The Malta Independent 18 April 2024, Thursday
View E-Paper

Indipendenza

Marlene Farrugia Monday, 19 September 2016, 09:58 Last update: about 9 years ago

Mhux ħa nistħi minnkom.

Wara kollox min jerfa' qofftu mhux pastaż.

Mela isimgħu din.

Il-kelma 'indipendenza ' daħlet fil-vokabularju tiegħi pjuttost kmieni fil-ħajja.

Issa tiġrux, u tifhmunix ħażin. 

Hawnhekk m'inhix qed nirreferi għall-festa nazzjonali tal-Indipendenza.

ADVERTISEMENT

Dik, għall-kuntrarju tal-kelma nfisha, damet ma giet irreġistrata f'moħħi.

Mhux l-anqas għax jien twelidt fis-1966, dik is-sena fula f'qargħa ta' meta l-Inglizi ħadu l-World Cup u l-Beatles kienu għaddejjin bil-Yellow Submarine.

Dan ifisser li l-ewwel avveniment storiku kbir li niftakar fil-pajjiż kien fl-1974 meta Malta saret Repubblika.

Imbaghad aktar tard, Jum il-Ħelsien fin-1979 meta mhux biss kont ikbar, imma peress li kont indoqq mal-Banda Queen Victoria taż-Żurrieq u daħħalna marċ tas-Surmast tagħna Manwel Bugeja d-Didda biex jikkompeti għall-innu ta' dak l-avveniment speċjali, kont ħassejtni aktar parti mill-istorja.

Biex ma ngħidilkomx it-tixriba u l-kedda li ħadna meta ommi w missieri ħaduna bil-lejl incapcpu 'l Mintoff taħt il-Monument tal-Ħelsien, minkejja li kienu naqa ffastidjati għax il-Marċ tad-Didda ma rebaħx u għax minfloku għażlu biċċa mużika qisha marċ funebru li ma riedet tinżlilna b'xejn.

Intant, tridu tifhmu li jien kont immur skola tal-Gvern, għalliema mill-aqwa, imma kotba meqjusin, u mhux żgur kellna telephone dak iż-żmien aħseb u ara internet.

Dan ifisser li wieħed kien jista' jitgħallem jew mill-iskola, jew milli jgħidlu xi hadd tal-familja.

Tal-familja għalihom l-Indipendenza tal-1964 kienet kummiedja tan-Nazzjonalisti, mhux ser joqgħodu jgħidu lilna t-tfal biha, u l-iskola kellna kotba li probabbli kienu  jpoġġu l-kliem b'tali mod li kienet żelqet minn fuq moħħi aktar milli kont niżloq jien minn fuq iż-żurżieqa li kont nirkbilha kull ċans li jkolli.

Fi ftit kliem il-kelma mportanti 'indipendenza' li diġa kont inħobb ngħidha u ngħixha, għalija kienet tfisser li jekk inkun Wied iż-ŻZurrieq u jaqbadni aptit ġelat, ma nistenniex li xi hadd ha jfarfarli 15c, imma li kont irrid infittex u nsib ħmistax il-flixkun tal-luminata vojta milli kienu jħallu t-turisti fuq ix-xtajta jew jitfgħu il-baħar. Kont neħodhom ftit ftit għand il-ħwienet t' hemm isfel, ma kont nistħi xejn, u ta' kull wiehed jagħhtuni 1c.  X'ħin naqla' 15c immur għall-bomba. Jekk insib inqas flixken ikolli nikkuntenta b'xi barmil tal-Wembley, jew silġa tal-koka.

Għadda z-zmien u l-'indipendenza ' li kont imrawwma fiha, kibret miegħi, tant li sakemm dħalt l-Universita' ta' sittax-il sena, barra li kont xbajt nagħmel kapital mill-libreriji pubbliċi, il-flus li kont naqla' ma kontx għadni nixtrihom ġelat, imma kont nixtrihom ġurnal bl-Ingliz, taparsi biex inrawwem l-ingliz aktar, imma fil-verita' biex nisma' qanpiena politka ohra differenti mix-Xandir Malta, mill-Orizzont u x-Xewka li kont naqrahom bil-qalb ukoll u li d-dar kont insibhom dejjem.

Imbagħad darba fettilli mmur fuq il-fosos ghall-Mass Meeting tan-Nazzjonalisti tal-Indipendenza, u għalkemm kelli biża' li jindunaw li Laburista u naqla' xi daqqtejn, għax dak iż-żmien kien żmien ikrah, tant ħadt pjaċir nisma' l-vizjoni ċara u pożittiva ta' min kien qed jindirizza l-gemgħa, li ghalkemm mort bi preġudizzju li probabbli kien xi blokka silġ giddieb jitmejjel bil-haddiem, mhux talli bdilt fehmti, talli nissel fija tama u rieda li jien ukoll insir parti attiva mill-bidla li kont qed inħoss li kellu bzonn pajjiżi.

Wara kollox mill-esperjenza tieghi, anke dak iż-żmien naqra ta' tfajla, kont diga fhimt u għext il-fatt li l-Indipendenza ma kinetx taqa' mis-sema imma  tfisser xogħol, stinkar, sagrifiċċju li jħallilna sodisfazzjon enormi.  Kont fhimt ukoll illi l-Indipendenza  ta' pajjiżna konna qed niċċewċu nippolitiċizzawha u niċċelebrawha, NOFS poplu darba fis-sena, (l-istess ghal Jum ir-Repubblika u Jum il-Ħelsien li gew wara), imma li bħall-isfida biex individwu igawdi Indipendenza, biex nissalvagwardjaw l-Indipendenza ta' pajjiżna kien jeħtiġilna naħdmu għaliha POPLU KOLLU WIEĦED MAGĦQUD, kull jum tas-sena.

Mela issa ejja niġu ghal Jum l-Indipendenza li ha niċċelebraw din is-sena, llum fl-2016.

Fil-1964 tlabna u ħadna indipendenza mill-Ingliżi.

Illum, f'dinja teknoloġika bla fruntieri, fejn kumpaniji kummerċjali huma aktar b'saħħithom finanzjarjament minn bosta pajjizi, irridu nsostnu u nħarsu Indipendenza ta' xorta oħra milli ssilitna għaliha fl-1964.

Irridu nibqgħu 'il-boghod u indipendenti minn populiżmu u prattiċi u soluzzjonijiet li, forsi jgħatu poter u sodisfazzjon fix-short term imma jċekknu d-dinjita' tal-bniedem fl-immedjat jew jikkompromettu l-izvilupp tal-pajjiz fuq medda taż-żmien.

Inħoss li l-ġlieda biex inżommu l-Indipendenza, li hi taqbida ta' kuljum taghna bhala individwi, cittadini, nazzjon, kull ma jmur qed issir aktar harxa, relevanti u iebsa.

Niftakru li nazzjon huwa magħmul mill-imħuħ u l-mod tal-ħsieb ta' hafna nies li meta tfittex l-essenza ta' dak il-ħsieb tiskopri karattru kulturali, soċjali ewlieni li jagħzel  dik il-kotra mill-gnus l-ohra.  Nazzjon ma jibqax jew ma jsirx indipendenti għax tagħtih dokument ta' kostituzzjoni imma għaliex ikun kapaċi jsarraf dak id-dokument f'kuxjenza u karattru bazzjonali, li jservi bhala l-għajn li minnha toħroġ viżjoni li tkun il-gwida ghall-evolviment ta' dak il-pajjiz  fl-oqsma kollha tal-iżvilupp tieghu.

L-imħuħ taghna llum huma assedjati mill-midja gejja minn kullimkien li trid tikkapparalna kull rokna ta' mohhna u tidderiġielna kull ħsieb jew deċiżjoni tagħna. 

Nibdew nitilfu l-Indipendenza tagħna fil-mument li ahna nċedu ghall-pressjoni biex ma naħsbux b'moħħna u nibdew naċċettaw normi ġodda li jmorru kontra l-karattru nazzjonali tagħna li rqomna maż-żmien, li jagħżilna bħala poplu u jixirqilna f'dan l-istadju tal-istorja ta' pajjiżna.

Fi ftit kliem xejn ma nkunu tassew indipendenti jekk inġibu ruħna qisna n-nagħaġ ta' Bendu, jew il-mazzun li kien italla' Ndri bil-lampara.

Bħalissa pajjiżna għaddej minn perjodu fejn minflok nidħlu għall-isfidi b' ruhna w ġisimna, u nsolvu d-diffikultajiet bix-xogħol iebes u s-sagrifiċċju li jirrendielna fit-tul u jiggarantixxi futur għal uliedna, għandna Gvern li jaghzel li jieħu it-triq faċli, li tirrendi lil ftit mhux lill-hafna u li tnezzgħana mill-Indipendenza li għaddewlna missirijietna.

Fejn ikun hemm problema minflok dahlulha bir-ras biex isolvuha, bigħuha b'li jiġi, bħallikieku ħallihielhom missierhom. Apparti milli tbiegħ darba. Meta tqis ukoll il-kumpaniji fil-Panama, mhux sitwazzjoni tad-dahq!

Biżżejjed ngħidilkom illi f'dawn l-ahhar tlett snin Malta giet dipendenti fuq l-istat Ċiniż, u minn hawn u ftit iehor kumpanija privata bla storja f' dan il-qasam, għall-qafas tal-ġenerazzjoni u distribuzzjoni tal-enerġija elettrika tagħha.

Biżżejjed infakkarkom li partijiet sostanzjali tas-sistema tas-saħħa taghna inbiegħet lill-kuntrattur privat li ma nafu xejn fuqu, tant li l-MAM kellha tieħu 'l Gvern il-qorti biex forsi tkun taf fejn qegħdin il-membri tagħha.

Biżżejjed ngħidilkom li l-Isptar t'Għawdex m'għadux t'Għawdex.

F'dawn l-eżempji, li kuntratti ma rajniex, il-poplu tagħna tpoġġa dipendenti mhux fuqu nnifsu u fuq il-kapaċita li jamministra lilu nnifsu bis-sens u bil-għaqal, izda fuq kumpaniji kummerċjali privati li l-għan ewlieni tagħhom huwa profitt anke ghas-skapitu ta' pajjiżna u tan-nies tagħna.

Nista' nġibilkom bosta ezempji ohra fejn l-indipendenza u s-sovranita' reali ta' pajjiżna saret flus minn dan il-Gvern, jew mill-erba' minn nies li l-pajjiz sar jiddependi minnhom. 

Izda l-importanti mhux li nibku dak li issa ma nistgħux inbiddlu, imma li niċċelebraw Jum l-Indipendenza 2016 bhala ċelebrazzjoni tad-determinazzjoni mgedda ta' poplu motivat b'viżjoni ta' Governanza  responsabbli u bi-ghaqal li tindokra u tassigura l-Indipendenza sostenibbli tal-poplu taghna.

Il-viżjoni u l-motivazzjoni huma mportanti, imma huma biss bidu. Biex naslu rridu nqumu bħala poplu wieħed, biex kif għamilna fil-passat ningħaqdu fid-difiza ta' Malta Indipendenti u  nżommu l-poplu tagħna ħieles. 

  • don't miss