Il-Greċja kien hemm u għad hemm ugiegħ kbir.
Familji fit-triq, għax tilfu darhom.
Żgħażagħ bla xoghol.
Suwiċidji.
Is-soċjaliżmu tal-Pasok fnihom, tradihom għax kien soċjaliżmu finta, jgħodd biss għall-popolin waqt li min imexxi jiffanga.
In-nies ippruvaw ibiddlu bil-vot izda n-nazzjonalizmu tan-New Democracy tradihom. Kien biss estensjoni ta' sistema korrotta li baqgħet l-istess imma beżqet uħuh ġodda fuq quddiem.
Taparsi nbidel xi ħaga.
Izda l-korruzzjoni kompliet u n-nies baqgħu jitilfu ħobżhom, baqgħu jitilfu lill-uliedhom, baqgħu jitilfu s-saqaf ta' fuq rashom.
Poplu kburi.
Umiljat.
Il-Griegi reggħu ppruvaw id-demokrazija li vvintaw huma stess. Ippruvaw is-Syrrhiza, xellugin radikali. Imma s-Syrrhiza sabet ħajt imkaħħal.
L-Unjoni Ewropeja talbet bidla radikali qabel tgħin, li fuq il-kotba bla ruħ kienet tagħmel sens, imma man-nies tad-demm u l-laħam qatgħet fil-laħam il-ħaj. Giet taqa' w tqum miż-żgħażagħ u l-pensjonanti muġuwha, vittmi ta' snin twal ta' politika korrotta bil-barka tal-pajjiżi kbar tal-EU kompliċi u parteċipi.
Il-Greċja kkollassat. Spiċċaw lanqas flusek ma tieħu kemm trid mill-banek (capital controls).
Il-Ġermaniżi xtraw kull m'hemm, u li kien baqa' ħatfuh ir-Russi u ċ-Ċiniżi.
Id-dinja l-Ewropa baqgħet tħares, tosserva, lill-Greċja qisha souvenier ta' Mykonos fil-vetrina.
Il-gwerra tal-establishment magħmula minn politiċi, korporazzjonijiet u midja kontra l-poplu grieg saret u ntrebħet mingħajr sparatura waħda.
Il-PM Tsipras kellu jbaxxi rasu biex ma jabbandunax lill-poplu tiegħu, u għadu hemm jissielet wara l-katastrofi li kompla ġab lill-pajjiżu fiha għax ipprova jieqaf lill-iġganti. Kellu issa jilgħab il-logħba tagħhom, inkella pajjiżu jaqa' f'kaos ikbar.
Sadanittant in-nies komplew jaqtgħu qalbhom.
Is-saħħa tal-establishment li ħareġ aktar b'saħħtu mis-saħħa tal-vot tagħhom jew minn min minn żmien għal żmien qed jitlob il-vot tagħhom spikkat.
Biex il-Greċja tvinċi ma kienx biżżejjed li tirbaħ id-demokrazija f'artha. Riedet tirbaħ id-demokrazija fl-Unjoni Ewropeja kollha għax huma l-Prim Ministri u l-Ministri tal-Finanzi tal-UE kollha li ddeċidew il-futur u l-preżent tal-Greċja wara li ħadmu bizzilla l-passat tal-Greċja.
Il-valuri li fuqhom ssejset l-UE twarrbu minn kull vot li ttieħed. Interessi finanzjarji tpoġġew qabel il-bżonn ta' poplu mifni.
L-establishment rebah, fuq id-diċenza u fuq l-għajta tal-poplu.
Spanja għaddiet minn perjodu simili. Wara l-ħerba li ħalla warajh Zapatero, Rajoy ipprova imma l-korruzzjoni fnietu.
Spanja marret aħjar u stabilizzat fix-xhur, kwazi sena li għamlet mingħajr gvern, sakemm tinstab koalizzjoni xierqa biex tiggverna. Marret aħjar meta mexxa biss iċ-ċivil!
L-Istati Uniti tafu x'ġara.
Poplu ddisprat u diżilluż mill-ħmieg tal-wiċċ politiku tal-korporazzjonijiet il-kbar u l-midja tagħhom, ħalef li jbiddel qabel ma jqammel izjed.
Anke jekk Trump huwa l-personifikazzjoni tal-establishment u l-interessi kummerċjali qabel dawk umani, in-nies ppreferew lilu għax 'ġdid' minn dawk li ħassew li dahqu bihom ħafna drabi għal ħafna snin.
Il-bieraħ kellna żewġ rizultati kontrastanti.
Fl-Awstrija n-nies għazlu l-valuri ta' paċi u solidarjeta mal-umanita li huma l-bażi tat-twemmin li jgħaqqad l-UE, fuq il-popoliżmu lemini li aktar ma jissaħħaħ, aktar ikisser l-UE li nħolqot biex tagħlaq il-feriti ta' żewg gwerer ikkawżati minn mexxejja popolisti, neqsin mill-iċken rispett lejn l-umanita, li biex jakkwistaw aktar poter biċċru lill-Ewropa u lill-Ewropej.
L-Awstrijaċi imma, jiftakru l-gwerra aktar mill-qrib, u qed jgħixu tajjeb biżżejjed biex ma jinbelgħux mill-mewġa ta' rabja kbira li għandhom l-Ewropej partikolarment tal-Mediterran għall-mexxejja tagħhom.
Fl-Italja minn-naħa l-oħra l-ommijiet għaddew mill-qsim il-qalb li jaraw lill-uliedhom jippakkjaw il-bagalji u jitilqu minn pajjiżhom biex ifittxu x-xogħol. It-taxxi u l-burokrazija fniethom u gerrxithom milli jinvestu f'pajjiżhom kif jixtiequ.
Anke jekk l-Italja bdiet tirpilja f'ħafna oqsma.
Hemm id-diżappunt ta' snin. Id-diżilluzjoni rebħet fuq l-istabilita.
L-għadab rebah fuq it-tama u vot li seta' jagħti aktar stabilita' u jnaqqas dak li hafna jaħsbu li qed inaqqar ir-riżultat tal-attivita' politka fl-Italja, nbidel f' wieħed ta' protesta kontra kollox u kontra kulħadd.
Li wieħed jingħaqad biex ikun kontra xi ħaġa mhux biżżejjed.
L-għada tal-vot jisbaħ, u l-pjan irid ikun hemm, ikun ċar u jkun miftiehem mal-poplu minn-nies sinċieri li mhux lesti jinbelghu mill-establishment biex igawdu huma waqt li jidħqu bin-nies.
Spiċċa a z-zmien tax-xellug u tal-lemin.
Issa ż-żmien tal-onesta u s-sinċerita' fil-politika. Aktar minn qatt qabel.
Fir-realta' politka tal-lum l-għażla tan-nies ha tkun bejn dawk li jistgħu jafdaw biex iżommuhom fil-qalba ta' kull politika tagħhom, u bejn dawk li juruhom id-debba u jqabbżulhom il-ħmara.
Il-ġlieda politika ħa tkun bejn dawk li jirrispettaw il-valur u d-dinjita' tal-umanita mill-ġuf sal-mewt, u bejn dawk li l-ħajja tal-bniedem għalihom tfisser biss pedina, numru, biex tintuża bħal fis-Snakes and Ladders, fil-logħba għall-perks tal-quċċata .
Il-Partit Demokratiku nħoloq biex jerġa' jdahhal id-dinjita' u r-rispett fit-tmexxija tal-pajjiż.
Inħloqna biex nerġghu indaħħlu l-umanita, is-sinċerita', il-qalb tajba u l-ħniena fil-vokabolarju tal-għixien ta' kuljum tal-poplu taghna.
Li tivvutaw għalina mhux biss ser tivvutaw kontra l-korruzzjoni ta' establishment fis-sakra jitħanżer minn fuq ġidkom filwaqt li jgħamikom bil-frak.
Li tivvutaw għalina ser tivvutaw ghas-sewwa maghruf, ser tivvutaw għal dawk il-valuri li l-frott tagħhom, il-frott ta' missirijietna, bhalissa qed jiġi sparpaljat minn klassi politika mixtrija mill-establishment li għax inxtrat tilfet ir-roadmap qabel biss bdiet.