The Malta Independent 24 April 2024, Wednesday
View E-Paper

It-Torca

Marlene Farrugia Monday, 12 December 2016, 10:16 Last update: about 8 years ago

Qed noqorbu lejn tmiem ta' sena oħra.

Inħarsu 'l quddiem u nippjanaw, iżda rridu u ma rridux inħarsu wkoll lura, ninnotaw u ngħidu bejna u bejn ruhna.

Qed ngħixu aħjar?

Pajjiżna aħjar?

Nibda mill-bażiku. In-nifs u l-ħajja. U nistaqsi.

L-arja u l-ilma tagħna aħjar?

Il-pulmuni naturali ta' pajjiżna, il-kampanja tagħna aħjar?

Għada hemm?

Għada hemm imma biex xabla bix-xabla ta' Damocles tqattar il-konkos fuq rasha?

L-ibliet tagħna aħjar? Il-wirt arkittettoniku li għaddewlna missirijietna mħares iktar?

Għadhom neżlin djar antiki ta' karattru uniku kuljum preċett? Jekk jiġikom dubju morru sa tas-Sliema imbagħad ejjew sad-daħla tal-Qrendi minn naħa tas-Salvatur ħalli taraw il-qerda bla ħniena tal-karattru Malti.

Is-sema tagħna aħjar? Jew tant qed iżidu t-tniġġiż li ma ndumux ma nieqfu narawh?

Il-baħar. Xi tgħiduli għall-baħar?

Il-ħmieġ tal-fishfarms, l-intejjen taħsbu li sar xi haga fuqhom?

Morru sa San Pawl il-Baħar.

L-isptar u s-saħħa.

Veru li qed jagħtukom appuntament aktar raġonevoli fil-ħin? Jew investigazzjoni essenzjali imissek wara li x'aktarx tkun taht sitt piedi trab?

Bil-fors trid tkellem lil xi ħadd biex iqabbżek?

Wara li ssirlek operazzjoni, qed jagħtuk ċans tirpilja ftit qabel ma jixkanawk 'il barra bil-pajpijiet b'kollox?

Int li għandek bżonn is-social housing, sibt sokkors jew għadek tistenna l-proġett ta' 50 miljun?

Int li taħdem il-ġimgħa kollha, u bil-għaqal, il-paga ssibha sservik? Il-paga tiegħek għoliet daqskemm għoliet il-ħajja?

X'taħseb fuq it-tip ta' tmexxija?

Taraha żdiedet il-meritokrazija u t-trasparenza?

Il-korruzzjoni taħseb li l-Gvern qed jiġġilidha jew mgħerreq fiha?

Tħossok aħjar mis-sena l-oħra?

Il-Qrati speċjalment għalik li m'għandekx biex tħallas u m'għandekx kuntatti, tħosshom li qed jagħtuk ġustizzja? Jew aktar ma jmur tippreferi ssoffri fil-kwiet għax taf li l-Qrati mhumhiex ġusti ma' min l-aktar vulnerabbli?

Inti li qed tissawwat ġo darek, x'inbidel għalik?

Il-kunsilli lokali mgħerrqin f'fernezija ta' taħwid fil-finanzi. Baqgħalek fiduċja fihom?

L-isport. X'taħseb fuqu? Taħseb li għandha ssir racetrack li tibla' r-raba u l-paċi li baqa' fin-naha t'isfel ta' Malta?

Id-drittijiet ċivili, li huma sbieħ u utli, taħseb li jigu qabel id-dritt tal-ħajja? Dan il-gvern qed idaħħal l-abort. Jista' bniedem jgħid li jista' ikollu d-drittijiet ċivili jekk jitteħhidlu id-dritt li jgħix?

L-edukazzjoni. It-tfal tagħna qed jitilgħu ċittadini jaħsbu b'moħħhom? Ċittadini b'identita' li jirrispettaw lill-proxxmu u lil pajjizhom? Li jafu x'inhuma r-responsabilitajiet daqskemm jafu x'inhuma d-drittijiet?

It-tkabbir ekonomiku tagħna huwa wiehed sostenibbli? Jew huwa tkabbir li jeqred lilu nnifsu bħalma jagħmel il-kapitaliżmu mingħajr rażan?

Nista' nibqa' sejra.

Ir-risposti tafuhom kollha.

B'danakollu ma jfissirx li mhemmx tama li nibnu mill-ġdid fuq is-sewwa u nirranġaw.

Imma rridu nbiddlu l-pedament għax il-pedament immermer.

Is-sens ta' dak li huwa sewwa għad-dinjita universali tal-bniedem għad baqa' ħafna minna li nirrikonoxxuh u nagħrfuh bhala ċ-ċavetta biex noħorgu mill-isqaq li dħalna fih.

Mhux popoliżmu għandna bżonn.

Għandna bżonn ningħaqdu għal dak li kien s-sew, għadu s-sew u jibqa' s-sew.

Mhux faċli.

Madwarna hawn tgerrfix ikrah.

Imma fl-għaqda s-saħħa.

Bhalma missirijietna bnew PAJJIŻNA, u bnew L-EWROPA, mit-terrapien riżultat ta' gwerra fiżika, aħna rridu nibnu pajjiz u Ewropa mit-tifrik tal-gwerra li għadha għaddejja fuq id-dinjita tal-bniedem u dak li kollu li jista' jservi ta' pedament ghal-soċjeta ġusta ta' veru.

Ma naqtgħux qalbna.

Is-sewwa jirbaħ zgur jekk nemmnu fih u lesti li niġġieldu għalih.

Ikolli nerga' nfakkar illi s-skiet fid-dinja tal-lum huwa kompliċita mal-hażen.

Kull vuċi tgħodd u kull par idejn jistgħu jgħinu.

Nagħmlu kuraġġ lil xulxin.

Inġorru ahna t-TORĊA biex nuru t-triq. 

  • don't miss