Malta kif nafuha bhalissa qed tagħmel suċċess.
Hekk tgħid l-istatistika.
Hekk qalu Moodies u Fitch imħallsa apposta biex joħorġu b'ġudizzju skond in-numri u ċ-ċifri.
Hekk jgħidu ċ-ċifri tad-disimpjieg.
Hekk jgħidu ħafna u ħafna nies fit-triq li jħossu li hawn qliegħ ta' lira tajba u li għalihom r-rota qed iddur.
Issa jekk hux ghax qed jiċċirkolaw miljuni ta' ewro ta' fondi ewropej li ġabu n-nazzjonalisti, u li daqt jinxfu, jew jekk hux għax qed jiċċirkolaw il-miljuni ġġenerati min-negozju li qajmu l-Laburisti, jew jekk hux ghax biegħulna kull m'għandna t-tnejn li huma daqqa wieħed u oħra l-iehor, jibqa' l-fatt illi bil-ħidma fuq ħidma ta' gvernijiet suċċessivi, minkejja l-iskandli u l-indikazzjonijiet ta' korruzzjoni rampanti li l-pajjiz ilu mixgħul biha, mexjin.
Xorta n-numri qed jagħmlu s-sens. U l-għajta tal-ħafna bil-but ħa jixpakka tinstema' wisq aktar mit-tgemgima minn taħt l-ilsien ta' l-ħafna ohrajn li l-bonanza ma laħqithomx jew li l-loppju ma ħadilhomx!
Jibqa' l-fatt illi t-tfal għandhom breakfast l-iskola, l-anzjani u l-persuni diżabbli qed insusu aktar warajhom u nindukrawhom ahjar, u li dawk li huma mifnijin bil-kera għolja, b'xi toqba ġo l-art tal-kċina, jew bla saqaf fuq rashom, kkalzrati bil-prekarjat jew bla ħiliet biex jahdmu, sa l-aħħar tal-leġislatura persważa li nkunu lħaqnihom u wennisnihom b dak li għandhom bzonn.
Żgur li hekk ser isir u allaħares le.
Iva, b' dak li jidher li gie ġġenerat, u bit-tkabbir li hemm previst nemmen li l-parti ħabrieka, onesta fi ħdan dal-Gvern tal-paradossi, tista' u ser tegħleb temporanjament imma ghal żmien biżżejjed, l-effett tal-fazzjoni l-ohra fi ħdan l-istess gvern li bhal sangisuk terdgha b'diżonesta mill-ġid li qed jiġi maħluq, fi skandlu oxxen wara l-ieħor, minghajr ma tikkonfondi li b'għemilha kapaċi tkun qegħda per ezempju ċċaħħad persuna mill-opportunita' li jkollha intervent li jsalvalha hajjitha fil-ħin, jew mingħajr l-ebda sogħba jew għafsa ta' qalb li b'ghemilha qed tordom lill-Malta u lill-Maltin.
Iva, sa sentejn oħra u anke forsi sa ftit qabel, kollox ser ikun jimxi fuq ir-rubini jew kważi, ghax bil-flus taghmel triq fil-baħar u bhalissa għallinqas qegħdin fl-istadju ta' money no problem bħalma konna darba waqt il-leġislatura fi zmien Fenech Adami.
Mela s'hawnhekk ser jibqa' jinhass kollox ward u żahar ghax kif diġa għedtilkom, sakemm baqa x' jimbiegh, sakemm il-pajjiz jibqa' għaddej bil-momentum u bla brejkijiet ta' istituzzjonijiet funzjonabbli, sakemm il-burokrazija bdilnija f'haxjohrazija, sakemm baqa' art tal-pubbliku x'naghmlu flus, siġar x'nordmu taht il-konkos, konċessjonijiet tal-yacht marinas xi nqassmu b'direct orders, visas x'inbieghu, u sakemm intaqqbu saħansitra l-ajru sas-sħab bil-bini, u nwikku l-ibħra tagħna bir-riggijiet taż-żejt ghat-tiswija, tankers tal-gass, u rziezet fi rziezet tal-hut, sakemm il-gvern jibqgħalu xi jqassam, il-boom ser tibqa' tinħass boom anke jekk minn dak il-hafna ġid li jkun qed jinħoloq il-poplu jkun qed igawdi biss porzjon zghir ghax il-kumplament ikun qed imur fuq l-irjus f'xi karus.
Imma d-daqqa imbagħad tasal.
Tasal meta l-Malta ewlenija li nafu, mfittxija minn nies minn kull rokna tad-dinja ghal sbuħitha, tkun mietet u ndifnet f'sepulkru b'ħafna xewk ilellex 'il fuq.
Id-daqqa tasal meta niesna jkunu tilfu l-grinta li jistinkaw ghas-suċċess ghax il-munita li biha tixtri s-suċċess, hekk imsejħa 'edukazzjoni', tkun żvalutata minn kultura instituzzjonalizzata, ta' mhux kemm taf imma lil min taf.
Id-daqqa tasal meta l-poplu tagħna, fgat go ambjent oppressiv, konġestjoni, bla rqad u bla serħan ikompli jimrad aktar milli diga huwa marid.
Id-daqqa tasal meta l-ġid tal-poplu, il-beni li hallewlna missirijietna ikunu gew sparpaljati, bil-ġenba ghal ta' ġewwa u l-frak ghall-popolin.
Id-daqqa tasal jekk ma nifhmux fil-ħin, li biex ikollna suċċess sostenibbli, jeħtieg ikollna pjan ta' ħidma f'kull qasam, pjan fit-tul 'l fuq mill-popolizmu, pjan trasparenti, studjat u sostenibbli fl-implimentazzjoni u r-riżultat previst.
Id-daqqa mhux ser niskansawha billi nippruvaw ninsew aħna min aħna u nilbsu libsa li ma tixirqilniex.
U lanqas ser niskansawha jekk nippruvaw ngħalqu għajnejna ghal dak li huwa ċar kristall.
Ghall-kuntrarju, jekk ma rridux li nergghu nispiċċaw bir-ration, jeħtieġ inġibu rispett lil dak li ahna, lil dak li jgħazilna bħala poplu, dak li għamel lill-ħajja Maltija sabiħa u lill-gżejjer Maltin ewlenin.
Jekk nimxu fuq dil-gwida sempliċi, jekk nifhmu li qed ingawdu suċċess minkejja l-Gvern, u li qed naslu bil-hila u s-sagrifiċċju tagħna lkoll matul iż-żmien, konna taħt liema gvern konna, allura ahna nistgħu nkunu ż-żerriegħa ghal-suċċess li filwaqt li jkun sostenibbli, jibqa' jsostni l-kwalita tal-ħajja tal-poplu taghna.