The Malta Independent 23 July 2026, Thursday
View E-Paper

Fid-dawl tat-Torċa

Marlene Farrugia Monday, 26 September 2016, 09:50 Last update: about 11 years ago

Ilbieraħ wara nofsinhar morna naraw il-Musical tal-Bronk Productions, jismu 'l-Perit.'
Kienet produzzjoni mqanqla
ħafna bħall-karattru tal-protagonist Dom Mintoff, imma fl-istess waqt kienet opra meqjusa u rikonċiljattiva.

L-atturi u l-kantanti, mill-kbir saż-żgħir kienu ppreparati u motivati sew. Tiskanta kemm talent għandna ġo din id-daqsxejn ta' gżira.

Pero l-aktar li tatni gost kienet l-atmosfera, l-emozzjoni, il-ħafna w’ħafna ħbieb li ltqajt magħhom, u fraħna b'xulxin.

Ħafna min-nies li kien hemm kienu dawk li għamlu l-istorja li konna qed insegwu, kienu n-nies li bnew dan il-pajjiż repubblika fuq ix-xogħol u l-bżulija. Bdew minn pajjiż imfarrak u mifluġ bil-faqar ta' wara l-gwerra u baqgħu baqgħu sakemm bil-għaqal bnew l-industrija, it-turiżmu, l-edukazzjoni u saħħa b'xejn, il-welfare state, pensjonijiet, il-korporazzjonijiet, il-housing soċjali u l-qafas ta' dak kollu li llum aħna noħduh for granted. Gvernijiet ta' wara komplew jibnu u jirfinaw fuq li sabu.  

L-ebda Gvern li kellna sa issa ma kien perfett għax ħadd mis-sema ‘l isfel mhu perfett, pero sissa s-sens ta' x' inhu tajjeb u x' inhu ħażin, in-normi tad-diċenza, qatt ma ġew ikkontestati. Meta saru żbalji saru b' ċertu prudenza jekk nista' nsejħilha hekk, mhux bħalma qed jiġri issa: sfaċċatament u dlonk iġġustifikati, u skużati jekk mhux ukoll ippremjati. 

Ilimgħa l-oħra ħareġ dak li sejjħulu l-masterplan ta' St. George's Bay. Jekk tistudjawħ tindunaw li dan mhux masterplan imma eżerċizzju fil-marketing biex lil min qed tinsteraqlu l-art (aħna l-poplu baħnan), biex tingħata bil-ħbub lill-istess erba’ minn nies, iġiegħlu jaħseb li ħa jiggwadanja xi ħaġa!

Kieku l-Gvern kellu tassew l-interess tan-nies kollha ta' Malta u mhux tal-ftit ħbieb, kieku l-ewwel kien iħejji Masterplan Nazzjonali għal dan it-tip ta' bini, wara li jitqiesu u jiġu studjati is-sostenibilita infrastrutturali, ekonomika, ambjentali u soċjali, imbagħad kien joħroġ l-expressions of interest fuq pjattaforma internazzjonali, ħalli jġib l-aħjar offerti għall-art tal-poplu, imbagħad jibda xi ħaġa.

Anke l-akbar tuba jifhem illi l-infrastruttura ta' toroq u ta' transport trid ukoll issegwi masterplan paripassu ma żviluppi kbar bħal dawn. Mela x' inhi din l-għaġġla sfrenata tal-Gvern  biex ifittex iferraq kull loqma art  pubblika li fadal, mingħajr ma jistinka għall-aħjar prezz u l-aħjar pjan ta' żvilupp fit-tul, f' isem il-poplu? Naf li kienu qalu għaxar snin u daqshekk, imma jekk jibqgħu sejrin b' dir-rata, sal-aħħar ta' din il-leġiżlatura lanqas ħaqq imsella mhu se jħallu. Tinsewx li l-White Rocks ukoll jidher li miktuba tiegħu. Ser jinbigħ bix-xejn meta lill-investituri se jqallagħhom 300 miljun.

U nfakkarkom. Tbi darba. Araw x'ġara fuq Smart City: art imrezzabbli ngħatat bix-xejn biex issa l-poplu baqa' b'li ħa waqt li l-investitur qed jagħmel festa b'ġidna! Tinsewx ukoll illi jekk dawn l-artijiet jiġbru prezzhom, u jekk in-negozju li jsir ikun ġust mal-poplu ikun hemm aktar flus għall-bżonnijiet kollha tal-pajjiż u min jgħix fih, ibda mill-operazzjonijiet fil-ħin u spiċċa fis-sussidju tal-kerha jew social housing. 

Bħalissa faċli norku jdejna u nifirħu bin-numri nkoraġġanti li jbillinna  griżmejna bihom il-gvern minn żmien għal żmien. Imma meta tieqaf u taħseb tinduna illi għall-kuntrarju ta' dak li għamlu gvernijiet oħra Laburisti, li kienu tal-erfa' wsorr għal meta tiġi bżonn, dan il-Gvern lest li jbigħ kull ma fadal mill-aktar fis possibbli u bla ma juri kuntratt wieħed.

Allaħares kien ħaj u f'saħħtu Mintoff, għax kien jagħmel agħar milli għamel lil Fredu Sant. Mur għidlu illi minn dak li nħoloq fi żmienu diġa kollox sar flus!

Veru li d-dinja tinbidel u qed nitħadtu fuq żminijiet differenti, imma jibqa l-fatt li t-tajjeb jibqa tajjeb ikun xi jkun l-istġun, filwaqt li l-ħażin ma jsirx tajjeb għax jinbidel min qed jagħmlu! L-anqas ma jsir tajjeb għax il-kompetitur għamel agħar!
Kien hemm
żmien li Gvern Laburista kien jfassal it-triq tiegħu skond id-dawl ħamrani tat-torċa u l-bżonnijiet tal-ħaddiema.

Sfortunatsment illum dak iż-żmien spiċċa u l-Lejber li għandna jpoġġi l-business wisq qabel niesna. 

  • don't miss