The Malta Independent 7 May 2024, Tuesday
View E-Paper

Mhux ovvja

Marlene Farrugia Monday, 3 October 2016, 10:39 Last update: about 9 years ago

Mhux ovvja li allaħares nagħtu mandat ieħor lil Muscat biex jiggverna.

U mhux ovvja li l-Oppożizzjoni jeħtieġ tingħaqad biex tipprovdi gvern alternattiv sod, u onest ta' veru wara l-elezzjoni li jmiss.

Il-PN ta' Simon jistinka w joqrob qiegħed, imma waħdu mhux ser jasal. Jeħtieġ injezzjoni ta' politiċi li dejjem żammew saqajhom ma' l-art u poġġew il-pajjiż u n-nies qabel il-partit, kien min kien.

ADVERTISEMENT

Inkella x'garanzija se jkollu l-poplu li l-PN mill-ġdid ma jerġax jaqa' fil-vizzji tal-PN ta' ħames snin biss qabel?

Il-poplu diga tqażżeż bil-kummiedji tal-Gvern JM. Jekk hux Laburist, jew Nazzjonalist, kulħadd għajnejh f'wiccu qegħdin.  Kelma waħda, kemm konna aħjar meta konna agħar.

Imma n-nies iridu jkunu u jibqgħu aħjar mingħajr l-għanqbuta ta' sangisugi li kienu jirrenjaw qabel u qed jirrenjaw aktar issa bl-ajjutanti tagħhom b'kollox bla rażan u mistħija.

In-nies xogħfiena u ma jinsewx malajr.

Mela sewwa, qed jgħidu n-nies, neħħejna lil Gonzi PN u l-oligarki ta' Franco għax bdew jitilfu l-kontroll tal-gvern, il-boxxla morali, għamlulna BWSC fabbrika tal-kanċer u kontijiet tad-dawl u l-ilma balla meta l-prezz taż-żejt mess is-sema.

U ħsibna li tajnihom kinsa tajba wkoll kieku.

Għandhom ħmistax-il sena biex jistejqru, konna qed ngħidu, filwaqt li nistennew bil-herqa lil Malta Tagħna Lkoll titwieled u titlaq timxi.

Imma min jistenna jithenna, jgħid il-Malti. U stennejna aħna kieku, u tajna ċans ukoll biex ma nqażżuhiex. Wara kollox, l-hena min ma jridhiex?

Imma mbagħad bdew il-balal.

Mela mill-ewwel tqaċċtu is-Segretarji Permanenti.

Iċ-ċittadinanza tpoġġiet for sale sakemm mewtu l-mistħija kemm kemm billi għamluha citizenship by investment.

F' kemm ilni ngħidlek terz tal-Enemalta u l-fabbrika tal-kancer BWSC għamluhom flus, biex inaqqsu d-dejn tal-Enemalta li kien garantit mill-Gvern u jfittxu jaqilbu għal gass, qalulna.

Mela minflok naqqsu l-garanzija tal-Gvern għad-dejn, lanqas laħqet nixfet l-inka fuq il-kuntratt tal-bejgħ tal-Enemalta li ma rajna qatt, li m'għamlux garanzija akbar għal kumpanija privata li sentejn ilu kellha ttina power station taħdem bil-gass u ma tatna xejn, u li bidlet suritha kif dehrilha wara li ħadet il-kuntratt u li mid-dehra ser tikri lill-kumpanija oħra biex tmexxi l-power station tal-gass il-ġdida.

Li nafu sa issa huwa li blajna tanker daqshiex tal-LNG li bhalissa riesaq lejn il-bokka ta' Marsaxlokk, li l-istudji dwar is-sigurta' tiegħu ma jgħoddux għal għajnejna, daqskemm ma jgħoddx għal għajnejna l-kuntratt mal-Electrogas li fih dal-Gvern rabatna għal tmintax-il sena sħaħ, imma ma nafux taħt liema kundizzjonijiet.

Li nafu zgur huwa li d-dejn, l-iskomdu u l-garanziji f' dan is-settur ser jerfagħhom kif dejjem refagħhom il-poplu Malti, imma l-profitti u l-kummissjonijiet joħduhom l-istess erba' minn-nies li  kienu u għadhom l-oligarki ta' dal-pajjiz u l-ohrajn li issa draw jagħmluha mal-oligarki u peress li ma min tagħmilha f' gheluq is-sena ssir bhalu, issa saru jaħsbu li Malta tagħhom kollha aktar minnhom.

Tant hu hekk, tant li l-kumpaniji fil-Panama ma naqsux u minn min hu l-eqreb ta' dal-kuntratti wkoll!

Sadanittant, skandli wieħed aqwa mill-iehor. Kuljum b'xi bawxata filwaqt li s-SALE ikompli.

L-isptar t' Għawdex, L-Isptar San Luqa, Żonqor u l-bella kumpaniji, permessi bla pjan nazzjonali għal skyscrapers qishom pastizzi, uffiċjali għolja tal-Gvern jifthħu l-kumpaniji relatati mas-setturi li jaqgħu taħthom, qishom mhux huma, min hu kapaci jitwarrab biex jaghmel wisa' għal tal-qalba u x' naf jien. Banana Republic ta' veru u kulħadd kuntent kulħadd ferħan sakemm l-ispin qed jaħdem u ċ-ċifri jindikaw li ahna pajjiż sinjur, kulħadd geddumu fix-xgħir u kulħadd qed jimpalhom bil-pala.

Li hu żgur hu li lill-poplu issa aktar xogħfien minn qatt qabel, ħadd mhu ser ibellgħalu r-ross bil-labra. J' Alla wkoll ikollna votanti ta' sittax- u sbatax-il sena godda li jivvutaw b'moħħhom u bir-raġuni ħalli jagħmlu tajjeb ghal dawk fostna li għadhom prigunieri ta' politika partiġġjana.

Jien ghandi fiduċja li jekk lin-nies nipprezentawlhom gvern alternattiv magħmul minn nies li  dejjem żammew l-interess nazzjonali qabel l-interessi u l-avvanz taghhom, nemmen li jagħzlu l-gust u l-onest fuq min qed jgħaddihom minn għajn il-labra u jidħqilhom. 

  • don't miss