The Malta Independent 8 May 2024, Wednesday
View E-Paper

Viva l-Lejber u n-nemusa

Marlene Farrugia Monday, 14 November 2016, 09:46 Last update: about 8 years ago

Il-bieraħ dal-ġurnal ippubblika r-riżultat ta' stħarriġ dwar xi tgħid l-opinjoni pubblika, fejn tidħol ix-xena politika ta' gżiritna, u min qiegħed fuq quddiem, fuq wara, jew ma jidhirx daqs kemm ma tidhirx gidma ta' nemusa fuq il-warrani li anke jekk tkun qed tgħamillek ħajtek infern tibqa' tgħid li ma teżistix.

Mela mal-ewwel daqqa t'għajn, mill-polls il-Labour jidher li qed jiġri quddiem qisu żiemel tat-trott. Issa korruzzjoni left right and centre, kumpaniji fil-Panama, bejgħ bis-sale ta' kulma ħallewlna missirjietna u bini kullimkien ibda mill-art u spicca fis-sema, tistgħu ma tgħidu xejn, għax in-nies jidhru li jippreferu lil Joseph Muscat b'qalbhom kollha, u ruhhom kollha u bis-setgħat tagħhom kollha.

ADVERTISEMENT

U la ghax irid idaħħlilhom l-abort kontra li kien wiegħed, u la għax irid jordom pajjiż fil-konkos u la għax ta' madwaru ibagħbsu fil-Panama, skond il-polls in-nies lil Joe l-ginger iridu u lil Simon għadhom ma jistgħux jaċċettawh.

Naturalment Arnold tal-AD u jien ma nissemmewx għax ahna biss gdim tan-nemus fil-patatina, u allura mhux fl-interess tal-poplu li jinkixef il-warrani ta' ħadd anke jekk iċ-ċensura issa hija ħaġa tal-passat u ta' dawk il-jaq li ma jafux x'jiġifieri tkun avangart u progressiv moderat.

Issa żommu f'moħħkom u qatt tinsew li dan huwa poll serju hafna, serju daqs dak li qalilna li ser jitlef il-Brexit u ser tirbah Clinton, bid-differenza li tagħna made in Malta, u allura n-nies żgur li ser jgħidulek dak li jhossu, mhux kif qaltli Mananni li stqarret miegħi li jċempel min iċempel ħa tgħidlu viva Joseph ħabba l-promotion ta' binha, anke jekk kif taqta' tibda tgħajru brikkun, imbruljun u taqtagħlu jdejha biex ma ngħidx partijiet oħra tal-ġisem.

Mat-tieni daqqa t'għajn  joħroġ li l-PN jonqsu dik il-haġa mohġaġa li tista' tagħtieh l-ispinta 'l quddiem imma li jidher li għadu ma skoprihiex anke jekk Salvu Mallia mar magħhom bil-kelb b' kollox, u t-tifel ta' Frans Sammut għenhom bil-ktieb fuq l-iskandlu tal-Panama.

Il-PN jagħzaq fl-ilma kien, u jagħzaq fl-ilma għadu, għalkemm dejjem b'aktar ħeġġa u ħila.

Mat-tielet daqqa t'għajn jidher ċar li terz tal-poplu la jafdaw lill-PN  u inqas u inqas lill-PL, bl-ekonomija numri bomba u bżar fl-għajnejn kollu taghħom.

Terz tal-poplu qed jistennew u jaraw x' ser jiġri. Qed jaraw aħna tal-PD fejn qegħdin u x'nirrapreżentaw u x'ħa nagħmlu bina nfusna.

Issa jaħasra tridu tifhmu aħna m' ghandniex il-magna propaganda li għandhom iż-żewġ partiti l-kbar, u jekk ikollna żewġ soldi nippreferu nagħtuhom għajnuniet diretti lin-nies, allura nitlobkom tifhmu u tiftakru dak li huwa bażiku imma għalina ċ-ċentru tal-politika tagħna.

Aħna qed naraw, anke mill-oppożizzjoni li intom minn intom tgawdu rispett u dinjita minn qabel it-twelid sa meta tindifnu.

Nafu kemm hawn nies fostna waħedhom, qalbhom sewda u minsijin mis-soċjeta anke jekk qegħdin f'istituzzjonijiet li l-għan tagħhom huwa li jiehdu ħsiebkom, jew f'familji li suppost jipproteġukom.

Aħna qegħdin hemm biex inġibu l-kawża tagħkom 'il quddiem bil-fatti, issa kif qed nagħmlu bil-kwiet u aktar u aktar jekk 'il quddiem tagħtuna s-saħħa tal-vot tagħkom.

Aħna anke mill-oppożizzjoni qed nissieltu biex pajjiżna jżomm il-karattru tiegħu, determinat minn bilanċ fraġili bejn is-sbuħija naturali, wirt storiku arkitettoniku ewlieni u l-bżonn li jitlob tkabbir fl-ekonomija sostenibbli.

Irridu li nħallu pajjiż aħjar milli sibna għal uliedna.

Qed niġġieldu bis-sħiħ biex l-identita ta' pajjiżna tibqa' renjanti mhux tintilef taħt il-konkos u t-tlellix.

Aħna anke mill-oppożizzjoni qed nagħmlu minn kollox biex il-ġid tal-poplu jitqassam b'mod ġust mal-poplu kollu mhux min hu mejjet għall-qatra u min hu mejjet fis-sakra!

Aħna mill-oppożizzjoni kilna lsinna biex ngiegħlu l-gvern jurikhom il-kuntratti ta' bejgħ ta' dak kollu li missirijietna sarrew għalina u l-gvern PL għamel flus f'isimkom!

Jekk tiftakru dawn biss, u żżommu f'moħħkom li ahna l-partit tal-verita, sena w' nofs oħra ma jkollkom l-ebda konfużjoni f'moħħkom fejn ser tivvutaw.

Sadanittant, sewwa tagħmlu. Meta jċemplulkom għidulhom viva l-labour u viva joseph ma jmorrux jivvendikaw rwiehhom minkom. Ftakru li għandhom armata sħiħa mħallsa minn butkom biex jattakkaw lil min ma jibżax iwassal il-verita!

Fil-frattemp aħna tal-PD nieħdu gost li fil-polls nidhru daqs nemusa.

Wara kollox, qatt kontu tafu liema annimal jagħmel l-aktar ħerba malajr mill-umanita? Mhux l-iljunfant l-aħwa! Staqsu l-ask.com!

  • don't miss