The Malta Independent 24 July 2026, Friday
View E-Paper

Organised Pimping of Malta (OPM) sive l-Establishment.

Marlene Farrugia Monday, 21 November 2016, 11:06 Last update: about 11 years ago

Meta ħabbatt il-bieb tas-sajjieda Xlukkajri wegħdthom moll biex jekk xejn jipproteġilhom il-qxur tal-baħar tagħhom.

Hekk kienu qaluli biex ngħid. 

Jien emminthom. 

Sa dakinhar konna qed ngħidulhom li fi żmien sena l-cancer factory tkun qalbet għall-gass għax Alice ma tkunx għadha Wonderland, u li l-proġett tat-tisbiħ ta' Marsaxlokk ha nagħmluh gass down ħalli npattu għall-inkonvenjent tal-koppla tal-Mosta ħażna gass li kellna npoġġu fuq l-art ġo Delimara. 

Kważi erba' snin wara nqaleb kollox ta' taħt fuq. 

Il-koppla tal-Mosta saret supertanker oxxeni ta’ ġol-bokka ta' Marsaxlokk, li l-Bambin biss jaf x' ħa jsir minnu mal-ewwel maltempata goffa li nlaqqtu, il-cancer factory għadha ddaħħan qisha mhux hi, il-moll u l-proġett tat-tisbieh ta' Marsaxlokk għadu Wonderland , u Alice baqgħet dejjem on the way tisfida deadline kontra deadline fenominali. 

Peress li bħal li kieku dan ma kienx biżżejjed biex jinsulta l-intelliġenza tax-Xlukkajjri, wara li wikkewhom b'dan kollu u ħafna w’ħafna aktar kruhat u inkonvenjent ta' żvilupp industrijali sħih biex ipaxxi l-Electrogas u l-l-Electrogas biss u ifhmuni, x' taħsbu li għamlu? 

Mela Il-famuża  ħaġa ta' minn flok il-MEPA, dik li ma jindaħlilha ħadd u tiddeċiedi dejjem skond il-ġid tal-pajjiż u mhux kif jiġbdilha l-ispaga l-Gvern tal-ġurnata, ħarġet planning gain ta' €125,000 lil Marsaxlokk biex taparsi tagħmel tajjeb għall-isfreġju ambjentali u l-periklu kbir li qed jakkumpanja dan l-iżvilupp. 

Jekk taħsbu ftit u meta tqis li l-Freeport dabbar planning gain ta' €955,000 li fil-fehma tiegħi xorta ftit, u li tiskantax jekk jaħfrulhom għax appellawh a bħalma kien għamel Gonzi, tindunaw Malta min qed jikkmandaha, jekk hux in-nies bil-vot tagħhom jew l-establishment ta' ndustrijalisti issa aktar favuriti li ħakmu l-Gvern, friends with businessmen taħt idejhom, bħalma kienu jikkmandaw lill-futur fis-sod ta' qabilhom. 

U ngħid li fis-sod il-futur tagħhom bina l-bħanen nassigurawlhom fewdu wara fewdu aħmar jew blu biex taparsi qed ngħixu f'demokrazija . Tarax! 

Intant nistħajjilkom tistaqsu : imma issa xi tridhom jagħmlu, cioe xi tridna nagħmlu?

Issa blajnih. 

Hekk hu, issa blajnih, blajnih aktar minn mazzun, u għalxejn inqattgħu lejl wara lejl noħolmu li qed nimpustawlu dawk l-€12,500 muniti waħda waħda fejn ma jarax ix-xemx, għax ikollna bħal ċwieċ nistennew elezzjoni oħra biex lil Panamalejber nuruh li b' tan-naħa t' isfel ma tidħaqx u terġa'. 

Sadanittant, anke jekk ikunu mlew il-borża  u ħarbu, aħna għandna tmintax-il sena msallbin b' dan l-imbarazz biex flok nixtru mill-interconnector li hu irħas u ma jbellgħalniex duħħan għal ġo sidirna, nixtru bil-fors m'għand Gasan u l-bella kumpanija ħalli huma jkomplu jgħaqqduhom  u jinfquhom torrijiet sa ġos-sħab, u lil poplu jkomplu jerdgħulu l-ftit saħħa li baqgħalu. 

Imma issa dil-ġimgħa bdew matafri ġodda. Peress li fl-Istati Uniti tela' Trump, cow boy prim li moħħu jaħdem minn taħt żaqqu, fl-establishment ta' Kastilja, jew biex inkun aktar preċiża fl-OPM (Organised Pimping of Malta) nqala' ftit paniku. Dan għaliex inħass il-periklu li dan Trump hemm ċans li jiżboq lill-klikka ta' Kastilja tagħna fejn jidħlu abbużi, praspar, u eżempji ħżiena lill-popolin. Mela x'għamlu? 

Biex tagħna jżomm ir-record u jibqa' l-aqwa u l-aħjar f'kollox, u ma jħallix lil dan-nofs ras Amerikan jaqlibielu, ġiegħel lill-pulizija jiġbru tliet tużżani klandestini li kienu ilhom jaħdmu hawn żmien għax dokumenti minn pajjiżhom ma joħorġulhomx u allura ma jistgħu qatt jirregolarizzaw is-sitwazzjoni tagħhom. 

Mela lil dawn bħal-leħħa ta'berqa ġabruhom, qishom il-brown shirts ta' dak il-kelb li ismu ma nsemmiehx, u f' radda ta' salib qafluhom u tellfuhom ħobżhom biex żgur joqtluhom bil-ġuħ. 

U għaliex dan kollu ?

U Issa x' taħsbu li ha jiġri? 

Mhux ovvja. Kif tfaqqa’ l-elezzjoni jagħmlu film, minn dawk  tal-ispin li l-ħin kollu jgħaqdu fuq il-One. Film tal-cowboys vera issa. Jagħmlu ħafna xenati b' dawn l-imsejknin jiġu mbuttati jwerżqu fuq ajruplan li jeħodhom għall mewt ċerta bħal dawk l-Eritrejani li konna bgħatna lura għat-tortura żmien ilu taħt il-PN. 

Dan kollu biex juri lill-poplu beżgħan  li l-problema tal-klandestini solvuta u minn żniedha, forsi jobrox il-voti tat-Trumpisti Maltin, għax hekk qalulu s-surveys, li l-Maltin inkwetati mill-immigrazzjoni irregulari. 

U għandhom fuq xiex jinkwetaw il-Maltin  l-aħwa tafux . 

Filwaqt li lilna jdawwrulna l-films ta' dawn il-foqra msejknin jiġu ppersegwitati biex inħossuna safe ħalli nerġgħu nivvutawlu, u filwaqt li jgħidilna li dawn kontra l-liġi u ma jistax iħalli ‘l min jikser il-liġi ... aħna nafu biċ-ċert li min ikun infurrat bil-liri, liri li ġew mnejn ġew, liri li jixtru blokok ta' bini kbar u miljuni stocks tal-gvern li jħallu l-commissions, anke jekk dawn in-nies ikunu l-antikrist  jew ta' ma ġenbu, dawn b' visa jew ċittadinanza jista' joqgħodu hawn fostna qishom rejiet. Għal dawn mhux talli għamilna liġi li tkoprihom, mhux talli għandna wisa', anke jekk flushom ikunu għamluhom minn fuq l-għajb u l-krudelta' fuq l-umanita',  talli tant iġibhom illi ser ibiddel wiċċ Malta darba għall-dejjem billi jimlijha twiebet ilellxu weqfin u twal twal biex dawn ikunu jistgħu joqgħodu jħarsu l-isfel lejna ċ-ċwieċ li tajnih il-vot biex inewwel lil pajjiżna fuq platt tad-deheb lil min lest li jaqlagħlu.

Dak huwa l-Gvern li għandna llum.

Il-Gvern li għedtilkom biex tivvutawlu jien għax emmint li se jkaxkar u jxejjen l-establishment li kien rabba l-għeruq f'25 sena ta' renju u li għax kien qabad it-triq tal-għali kien wasal biex inneħħuh. 

Mur għidilna li l-Gvern ta' Malta Taghna Lkoll li tellgħajna kien diġa’ maħkum mill-istess establishment b' aktar saħħa, u li waqt li jien kont qed interraq xita u xemx infiehmkom il-manifest li kellu jnaddaf il-governanza mis-susa u l-kamla, fir-raba’ sular MALTA kienet qed titqatta' biċċiet u tinqasam bejn il-barunijiet li dejjem inħbew wara id-duopoly PNPL mill-indipendenza ' l hawn.

X'ma jagħtuhx biż-żewġ lill-Partit Demokratiku, il-Partit  li twieled fin-nies, jgħix fin-nies u jibqa' tan-nies, u li mhu qatt se jinxtara biex jitradixxi n-nies. 

Tal-establishment jibbumbardjawkhom bit-television, radjijiet, riklami, gazzetti u elf ħaġa oħra. Minn fejn taħsbu li jġibuhom il-flus?

Mhux ovvja? Ftit mingħandkom biex ikollhom paraventu u l-bqija mingħand dawk li mal-establishment jaqblilhom.

Intom tmeximxu l-għadma waqt li tal-establishment jiffangaw fuq il-laħma b' demmha nieżel fuq il-vavalor ta' fuq sidirhom.

Sewwa qal Il-Prim li huwa ż-żmien tar-revoluzzjoni.

Fuq dik naqblu. Għalhekk il-Partit Demokratiku għażel il-kulur oranġjo - il-kulur tar-revoluzzjoni.

Għax wasal iż-żmien l-aħwa.

Jekk intom patrijotti u tħobbu ‘l Malta u ‘l Ghawdex u tridu tibqgħu tgawwdu s-sbuħija u l-kultura wiesa’ u diversa tagħhom m’hemmx fejn tmorru. 

Agħtuna s-sapport tagħkom.

Mhux il-klandestini qed joħdulna artna u l-kultura tagħna minn taħt ħalqna. Dawk huma prodott ta' establishment globali bla ruħ li jrewwaħ il-konflitt, il-gwerer u l-qerda tal-ambjent  bla skrupli, bir-riżultat li rġiel, nisa u tfal innoċenti jkollhom jitilqu djarhom u jaħarbu,  ħafna drabi dritt għal ġo dirgħajn traffikanti tan-nies li jtertquhom fi skjavitu’ għas-sess, bejgħ tal-organi jew attroċitajiet ta' xorta oħra. 

Jekk intom patrijotti għinuna niġġieldu dan il-ħażen krudili u nissieltu biex  iċ-ċaqliq ta' nies sfurzat ikun akkumpanjat minn pjan organizzat li jħares id-dinjita' tal-bniedem hu min hu. 

Għinuna niġġieldu biex leħinna lkoll jinstema, sabiex kull pajjiż jerfa' parti mill-madmad uman li l-ħażen premeditat tefa' fuq din-xaqliba tad-dinja. Semmgħu leħinkom ma’ tagħna biex dan il-piż nerfawh bid-dinjita’ u mhux billi nkattru l-ħażen b'aktar qlub iebsa, bla ħniena. 

Ma nattakkawx il-fqir u l-batut. Nattakaw lil min qed ifaqqru u jġiegħlu jbati u jaħrab, l-establishment tal-ħażen dinji li qabel kien jaħdem minn wara gvernijiet u issa qed jaħtaf gvernijiet f'idejħ, bl-għajta li għandu s-soluzzjonijiet, soluzzjonijiet ta' aktar krudelta’ u aktar deni lill-umanita’. 

Il-ġimgħa l-oħra segwejna biċċa mportanti mill-istorja tal-preżent tad-dinja. Fl-Istati Uniti kien hemm tellieqa għall-poter bejn establishment u establishment. Trump irnexxielu jagħmel il-qabża minn finanzjatur u ħallieq tal-establishment għal establishment issa magħġun skond il-forma tiegħu.

L-Amerikani ma kellhomx għażla.

Imma intom f'Malta għandkom.

Ifthu għajnejkom.

Dalwaqt elezzjoni oħra.

Aħna tal-Orange ha nagħtukom iċ-ċans li tbiddlu ta' veru. 

Dak il-Moviment ta' wiċċna aħmar u abjad għax naħdmu id f'id b'sinċerita', 'l fuq mill-ktajjen partiġġjani tal-passat, għat-tisħih tal-preżent u l-futur ta' wliedkom għad nistgħu nsarrfuh f'dak li ridtuh intom - il-forza  politka ġdida li kellha tpoġġi l-interess tagħkom l-ewwel, il-forza politka li fi ħdanha ma tagħtix kenn lil min jittradikom b'xi karus fil-Panama filwaqt li lilkom jagħtukom mediċina skaduta.  

  • don't miss