The Malta Independent 17 May 2024, Friday
View E-Paper

Nini nini!

Marlene Farrugia Wednesday, 1 March 2017, 13:07 Last update: about 8 years ago

Tal-Panama Labour dalwaqt ittihom ferneżija. 

Kull ma jmur qed jindunaw li n-nies mhux bħanan daqs kemm jaħsbuhom.

Qed jindunaw li ħlief għal dawk il-ftit - u dejjem jonqsu - li jisimgħu biss il-vanġelu tal-One u jemmnu mingħajr l-iċken ħsieb u mistoqsija dak li jgħidilhom id-dell ta' dak li kien Ġużi ta' Burmarrad, il-kumplament tal-popolin qed jirnexxielu jittawwal u jara x'jidher minn bejn ix-xquq li issa qed iċarrtu sew l-istampa li jpinġi l-Gvern Panama Labour biex jostor sew il-kwadru veru li huwa l-pajjiż illum.

ADVERTISEMENT

Dan il-paniku tant ħakem il-Panama Labour u l-erba' skjavi rgħiba tiegħu li lanqas biss qed jindenjaw ruhhom jaħbu l-ġenn li ħakimhom. Intefgħu jagħmlu konferenza stampa kontra konferenza stampa mingħajr biss jirrealizzaw li ma' kull waħda qed jiskurjaw goal ieħor fil-lasti tagħhom stess!

Għax, ejja ngħiduha kif inhi, dawn possibbli jaħsbu li xi ħadd jeħodhom bis-serjeta meta jitkellmu fuq il-korruzzjoni tan-Nazzjonalisti passata, preżenti jew immaġinarja, meta jafu li l-Gvern li tellgħu mhux talli istituzzjonalizza l-korruzzjoni (minflok iġġilidha kif wiegħed), talli żamm żewġ kapuljuni tal-istorja tal-Panama ġo Kastilja biex żgur jibqa' jfakkar lin-nies bl-ipokrezija tal-Gvern li tellgħu!

Kull darba li jiftħu ħalqhom fuq korruzzjoni, il-poplu li jaħsbu li mutu, trux u għami, jfakkruh fuq id-dnubiet ħoxnin u bla qies li rnexxielhom jagħmlu huma f'dawn l-erba' snin!!

Dan apparti mill-fatt li mill-iskandli li jattribwixxu huma lill-Gvern ta' qabel bħal per eżempju l-iskandlu taż-żejt, il-konkos ta' Mater Dei, il-ħsara f'Binja Buqana u x'naf jien, mhux talli ma ressqu 'l ħadd talli dawk implikati llum huma fil-qalba tal-Panamagang li tmexxi l-pajjiż!

Imma l-iktar li splodiet il-ferneżija li għandhom, li turi biċ-ċar kemm il-Panama Labour gang qed tibza' mill-Laburisti veri u mhux ċwieċ, toħrog meta tara l-kandidatura li ser iwaddbu fuq il-ħames distrett! 

Mannara kontra kapuljuni kontra kapuljuni akbar tal-klikka ta' ġewwa tal-Panamagang li wħud minnhom, biex ma ngħidx kollha, skoprewna lilna ta' wara l-mina f'dawn l-aħħar sentejn għax jarawna bħala l-għodda li għandhom bżonn biex ikomplu jerdgħu minn fuq il-poplu, open bar, għall-hames snin li gejjin bħalma għamlu sfaċċatament u bla mistħija fl-erba' snin li għaddew.

Kieku xi ħadd minnhom fetaħ halqu biex jiddefendi l-abbuż fuq il-ħames distrett dawn l-erba' snin. Anke minn kien forsi jtarraf xi ħaga qabel, biex ikompli jpappi u jmexmex l-għadma sa l-aħħar, f'din il-leġislatura bela' lsienu ma jmorrux joħdulu x-xufier li tefgħulu minflok il-flus jintużaw biex mediċina tal-kanċer teħodha mingħajr ma jkollok tmur tittallab għand il-Community Chest fund!

X'ħin dawn il-kandidati laburisti iħabbtulhom il-bieb lin-nies tal-ħames distrett, kull m'għandhom jagħmlu hu li jsaqsuhom qabel l-elezzjoni tal-2013 kemm kellhom paga u perks imħallsin mill-poplu, u mill-2013 'l hawn kemm dabbru paga u perks, u kemm nefqu fuq safar fuqhom infushom imħallas ukoll mill-poplu.

Imbagħad, in-nies tal-ħames distrett għandhom jistaqsuhom ukoll x'qatt taw dawn għall-irħula u l-komunitajiet tagħna, mhux x'ferrqu mill-flejjes pubbliċi imma kemm-il darba daħħlu jdejhom fil-but tagħhom stess u mix-xogħol u s-sagrifiċċju tagħhom personali, wieżnu attivita kulturali, sportiva, reliġjuża jew ta' xort'oħra fl-irħula tagħna!

Imbagħad għandhom jistaqsu lil dawn il-kandidati xi proġetti ġodda saru fil-ħames distrett, li ma kinux mibdija minn-Nazzjonalisti, jew li ma tħallsux mill-fondi tal-EU li wkoll gabuhom n-Nazzjonalisti bid-difetti kollha tagħhom. 

Tinsewx tistaqsu għalfejn Wied Fulija li l-Lejber kien għamlu miżbla u l-PN għalqu, rega' beda jintuża għar-radam u x'ħa jagħmel bih Gvern Laburista gdid, jekk hux ħa jirrestawrah u jagħtih il-hajja jew hux ha jimlieh pjanċi tas-solar koroh pesta. Tistghu tistaqsuhom x'sar minn Wied Babu, fejn konna nilgħabu meta konna tfal. X'baqa' minn Wied il-Buni u Pretty Bay minkejja t-tkarwit ta' qabel l-elezzjoni. 

Imbagħad staqsuhom għalfejn daħqu bina minħabba li l-power station cancer factory għadha ddaħħan sal-llum għax mhux veru qalbu għall-gass jew gasoil wara sitt xhur kif wegħduna. 

Staqsuhom għalfejn il-ħażna tal-fuel sal-lum għadha ġol-qalba ta' Birzebbuġa u t-tankijiet tal-Qajjenza għadhom hemm weqfin weqfin!

Staqsuhom għalfejn Wied iż-Żurrieq baqa' fi stat t'abbandun u l-Qajjenza ma teżistix ghal-Panama Labour.

Staqsuhom fuq kollox kif jekk l-ekonomija sejra tajjeb  daqshekk, kif gol-hames  distrett baqa ftit mill-aghar toroq li hawn fil-pajjiz.

Staqsuhom fejn ġejja r-racetrack bl-istorbju u l-veleni li jintefgħu fl-arja kollha tagħha, apparti mill-qerda tal-ftit raba li baqa'!

Il-quddiem ngħidilkom aktar x'tistaqsuhom x'ħin ġejjin iħabbtulkom il-bieb dawn li ghalihom hawn isfel 'tank taż-żibel', imma jigu jsellmulu meta jkollhom bżonn ċavetta ġdida għall-poter.

Naturalment jien ser nissemma' xi ftit ukoll x'ħin tiftħulhom. 

Meta jiġi ta' Burmarrad, għax insejt ngħidilkom imma dan ser jiġi jitlobkom il-vot ukoll, għalhekk qaċċat lil Karmenu Vella u għadu jipprova sa issa permezz tal-magna qarrieqa tiegħu jiskredita lili, meta jiġi Ġużi għidulu li veru li aħna tfal tal-ħaddiema u aħna umli u sempliċi, imma mazzuni xorta m'aħniex, u jekk jaħseb li daħaq bina f'ħafna affarijiet, mela għarralu bl-ikrah, għax grokk whisky jieħdu imma l-vot kif ngħidu aħna tar-raħal nini nini!!

U meta jsemmulkom lili mbaghad ighdulhom li lili tafuni nitrabba miż-Żurrieq, in-nanna minn-Birżebbuġa u ngħix il-Qrendi, li għandi d-difetti t'Alla kollha imma li twelidt u dejjem għext l-ewwel Maltija u mbaghad Żurriqija, li dejjem rajt nies mhux simpatiji politiċi, u li lil pajjiżi u lill-poplu tiegħi dejjem żammejtu l-ewwel u qabel kollox, kif għallmuni minn twelidi, anke meta li nagħmel hekk fisser attakk sfrenat u feroċi ma jaqta' xejn  fuq persunti u fuq il-kredibilita' tieghi. 

Jagħmlu x'jagħmlu ftakru li dak li nemmen fih ma niċhdu qatt u minix għall-bejgħ biex dak li kont ngħidlu ħazin issa nagħlaq ħalqi b'approvazzjoni jew agħar minn hekk ngħidlu tajjeb!

Ftakru ħaġa ohra wkoll, illi minn jivvota lili qed jivvota għall-Moviment Laburista ta' Malta Tagħna Lkoll (għallinqas li ħallew minnha) anke jekk taħt isem ieħor.

Min jivvota lili qed jivvota għal politiċi li l-politika għalihom tfisser servizz lil pajjizhom, filwaqt li min jivvota għal Joseph Muscat u sħabu jkun qed jivvota għall-Panamagang li ħakmet lill-Partit Laburista biex takkwista l-poter sabiex tbiegħ lil pajjizna, bhallikieku Malta Taghhom Biss, ħalli jgawdu l-erbgħa ta' ġewwa. 

 

  • don't miss