The Malta Independent 17 May 2024, Friday
View E-Paper

Sfronda l-Blue Grotto

Marlene Farrugia Friday, 10 March 2017, 18:43 Last update: about 8 years ago

Fi Brussell kien hemm l-inkwiet.

Fotografi u ġurnalisti qed jiġru ġiri sfrenat gol-kuruturi. Min jiskejtzja qisu qiegħed jiżżeffen ġo l-arena tas-silġ u min jipprova jibbilanċja fuq it-takkuna pencil waqt li jħabbat saqajh mal-warrani jħaffef lejn il-kamra tal-konferenzi għall-istampa. 

Kulħadd jiġri bil-cameras u gadgets ireddnu waħedhom, imdendlin m'għonqu jitbandlu 'l hawn u 'l hinn, jaħbtu mall-gawhriet.

ADVERTISEMENT

Nies mgħobbijin b'mazzijiet karti f'id wahda u K phones fl-oħra, kultant jaħbtu ma' xi robot stirat għaddej rrankat jitħaddet waħdu, bil-gabarret mimli kikkri sbieħ b'xi te tas-sugu biex jgħixu ħafna u gallettini kontra t-tikmix, ppreparati bir-reqqa għall-umani nkwetati, nkurlati jew iċċassati miġburin gol-kmamar 'l hawn u 'l hinn, jitkellmu daqqa mal-kaxxa ta' quddiemhom, oħra mal-misluta ggranfata ma' widnejhom, mal-arloġġ madwar idhom, u kultant għalkemm rari ma' xulxin x'aktarx b'għajnejhom.

Imma 'l-action' illum kien speċjali, għallinqas fuq in-naħa tal-Mediterran, jew biex ikun preċiża: fil-kamra tal-Gzejjer Maltin.

Erba' ministri kienu diga ħadu posthom mal-mejda magħmula minn ħġieġa taħsibha qegħda mdendla fl-arja bħallikieku hemm xi poltergeist, imma li fil-fatt kienet imdendla mis-saqaf b'ħarir trasparenti, inviżibbli u ta' saħħa liema bħalha li l-Maltin kienu vvintaw apposta biex anke huma f'pajjiżhom ikunu jistaw jivvjaġġaw malajr  billi jiddendlu minn Skyscraper għall-ohra fuq l-istil ta' dak li l-antenati tagħhom kienu jsejjħulu 'Spiderman', imma li x'aktarx ma kienx ħlief xi ħlejqa fl-immaġinazzjoni ta' xi moħħ marid Malti ieħor, meta tqis li l-Maltin kollha li kien baqa' kienu sofrew mill-epidemija li kienet ħakmet lill-gzejjer Maltin hafna snin qabel, kkawżata minn virus li qerrdilhom il-ħila li jgħarfu bejn il-gideb u l-verita, bejn l-illużjoni u r-realta', bejn il-passat u l-futur,  bejn it-tajjeb u l-ħażin u msejknin li huma saħansitra nessihom min fil-verita' kienu u minn fejn ġew.

Id-delegazzjoni Maltija kienet tassew iġġiblek ħniena.

Rapprezentanti tal-Big Business Boss 1 u 2 (BBB1, 2), li għażluhom quadruplets identiċi wkoll biex żgur ma jkunx hemm differenzi jew irvellijiet bejniethom, filwaqt li l-poplu jħossu li hu stmat u għandu l-varjeta mingħajr hassle. 

Għalxejn il-Ġermanizi u l-Awstrijaċi li kien għad baqa' fl-EU bħalhom, kienu juruhom stampi ta' Malta l-ġmiel tagħha bil-knejjes u l-irħula ħelwin maqtugħin minn xulxin b'għelieqi mtarrġin, kollha ħitan tas-sejjieħ!

Kollu mitluf kien il-ħin tal-kapuljuni Torok issa wkoll membri sħaħ, meta ppruvaw ifakkru l' Maltin bix-xeba' li tawhom fl-Assedju l-Kbir tal-1565 għax ppruvaw jidħlulhom f'arthom biex jisirqulhom wirthom! 

Għalxejn it-tpinġijiet tas-swar, ir-ritratti tal-binjiet majjestuż u l-albums fuq il-K phones juru lilhom infushom tletin sena qabel mgħannqin u jitbewsu fid-dell tat-Tieqa tad-Dwejra f'Għawdex, jew waqt xi festa tat-titular. 

Il-Maltin u l-Għawdxin kienu dlonk jgħidulhom li dak kien kollox fake, kollox gideb, kollox qlajjiet tas-sħaħar bħal dik li kien baqgħalhom wara l-mina u li kienet għadha tgħajjat s'issa bit-tilqima li sabitilhom ghal xi virus li skond huma ma kienx ħlief f'moħħha! 

F'Malta la kien hemm twieqi d-Dwejra, la raba, la bajjiet u la xejn. Kien hemm biss bini għoli għoli mdaħħal ġos-sħab, toroq dojoq imdawla bin-neon lights jitfu u jixgħelu waħedhom, baħar dejjem jogħla u dieħel 'il ġewwa u business kontra business kontra business liema bħalu. 

Mhux l-ewwel darba li l-Maltin lagħbu xi daqtejn lil xi msejken li pprova jfiehmhom li darba huma wkoll kellhom Parlament u Gvern bħall-ħaddiehor. Erħilhom jgħajruh għajjur, terrorist u giddieb, iċewwċuh u jistednuh fl-ufficju tal-Big Business Boss 1 jew 2 go drones apposta majestużi fis-sħab, li minn dejjem ta' dejjem kienu żammu lil Malta fuq wiċċ l-idejn bl-ogħla bini, l-ogħla GDP, u b'kulħadd impjegat f'xogħol dinjituż ineħħi l-ħmieġ  ta' kull xorta tal-prinċpijiet tad-dinja li kollha kellhom appartament tad-deheb ġo Malta, u li kienu jmorru Għawdex regolari bil-yottijiet indurati biex jakkwistaw l-eternita fil-Gzira ta' Calypso li issa kienet imbidlet f'Natatorium kbir, Sauna ewlenija, imsaqqfa u protetta mill-elementi, fejn kulħadd seta' jċafċaf għarwien, jagħzel sieħba jew sieħeb skond il-gost, jieħu siegħa buzz, jitlaħlaħ bl-ilma sħun biex ma jahsadx kollox, u jkompli fuq l-għażla li jmiss!

X'ma jiffullawx lejn Malta u Ghawdex in-nies meta saħansitra fl-irkejjen bejn l-Iskyscrapers organizzaw fuklari apposta dejjem b'ħuġġieġa ħaxixa għaddejja bil-mod il-mod ħalli l-feel good factor ma jonqosx u kulħadd jibqa' high u higher perpetwu u bla sforz. 

Anke ice ring kien għamlilhom il-Big Business Boss 2, magħmulha minn blokok ta' silġ speċjali li jagħtuk enerġija ta' barra minn hawn u jkomplu jiddeterminawk li tkun l-aqwa f'kollox, dejjem u kullimkien u l-hin kollu.

Brussell kien kontinwament mixgħul  bil-praspar u l-matafri ma jaqtgħu xejn ta' dawn l-imsejkna Maltin, li moħħhom kien spiċċa jtektek biss fuq il-progetti ġodda, konkos fuq ħġieġ, fuq ħadid fuq konkos, li kienu moħħhom biex ideffsu biex jgħattu l-erba' knaten msewsin li kien baqghalhom minn ta' qabel il-virus qerriedi. 

Intant il-ministri kollha flimkien, issinkronati perfett u ntonati wkoll ħabbru li ser jibdew.

Fil-Kamra waqghet hemda liema bħalha. Aspettattiva mġiddma. 

Kulħadd halqu miftuh, għajnejn iberrqu. 

Erba' Ministri  shah tal-Big Business Boss fl-aħħar kienu ser jibdew il-Konferenza stampa tant mistennija!

Iwa tgħid waqa' l-Blue Grotto bdew iseksku minn taħt l-ilsien il-Ġermanizi! L-aħħar li għamlu wahda bħal din kien meta sfrundatilhom it-Tieqa t'Għawdex, komplew isefswu l-Awstrijakki... sshhhh

Appell internazzjonali għall-għajnuna loġistika arkeoloġika. 

Fil-Gzejjer Maltin kien hemm maltemp kbir. 

Bix-xita intfew il-ħġejjeg tal-ħaxixa u nħallet il-blokka silġ tal-enerġija.

In-nies stenbħu kollha f'daqqa u hemm rewwixti kbar. 

Il-Maltin u l-Ghawdxin qed ikissru l-konkos ta' kullimkien u jħaffru saħansitra b'difrejhom ifittxu għeruqhom. 

Il-qniepen qed jinstemgħu idoqqu minn taħt l-art. Ħergin nies minn għerien kullimkien. Nies li kienu moħbija. 

Hemm paniku u festi fl-istess ħin. 

Bdew telgħin il-blalen fis-sema bis-Salib ta' Malta. 

Il-baned hargu jdoqqu. 

Anke xi karru tal-Karnival irnexxhielhom itellgħu minn ġol-għar. 

Lill-Big Business Boss 1 and 2 telghu għalihom u waddbuhom bid-drone b'kollox minn fuq il-ħnejja.

Is-saħħara ta' wara l-mina qed tindirizza l-poplu taghha minn fuq il-munqar! 

Malta u Ghawdex kif ghedtulna jezistu ta' veru!

Qed nagħmlu din il-konferenza stampa biex ninfurmawkhom, li stenbaħna, qomna, rxoxtajna, ġejna f'tagħna. Veru kellna tieqa d-Dwejra u waqgħet! Veru kellna kampanja u rħula l-ġmiel tagħhom u dfinnihom. Veru kellna Parlament qisu hakkieka tal-ġobon. Qed jgħidu li kien hemm xi President ukoll!

Issa skużawna, ħa nhallukhom, ħa mmorru. 

Qed jgħidulna li ilna tletin sena mitfunin, irridu nqumu, irridu npattu, irridu nġibu dak li tlifna, irridu ngħixu ta' Maltin u Għawdxin ta' Veru!

Iffurmajna Partit Gdid u ħa noħorġu ghall-elezzjoni daqt: semmejnieh il-Partit Demokratiku u ħa ntellgħuh għax hu biss jista' ghal BBB1 u l-BBB2, inkella l-virus se jerġa' jeħodna, jgħamina, inessina. Jekk hemm bżonn nagħmlu koalizzjoni ma' kull min hu mfejjaq basta ma nergghux nispiccaw hekk kif konna, bla moħħ, bla ħila, bla ruh, bla rażan, bla skop!

  • don't miss