The Malta Independent 17 June 2024, Monday
View E-Paper

Koalizzjoni jew rivoluzzjoni

Marlene Farrugia Wednesday, 15 March 2017, 08:07 Last update: about 8 years ago

Jekk hemm xi ħaġa li kulħadd jaqbel fuqha huwa l-fatt li anke kieku ma kien hawn l-ebda korruzzjoni u kollox kien trasparenti daqs il-libsa ta' taħt ta' Zeza tal-Flagship, il-pajjiż qabad direzzjoni ħażina u l-Gvern li hemm, jekk ma jagħmilx taqliba nobis u jbiddel id-direzzjoni. ma jistħoqqlux leġislatura ohra.

Ibda biex jidher biċ-ċar li jekk issa baqa' nofs tużżana erwieh bil-kuxjenza fil-bankijiet tal-Labour, ibqgħu certi li fil-leġislatura li jmiss dawk li ttella' l-magna propaganda ħa jkunu bil-pedigree, prodott tal-politika anti-Labour, nies li kull m'għandhom jafuh lill-magna Josefjana ħalli jibqgħu żgur imdendlin maż-żejża, kapitalisti bla ruh soċjali għax l-għaks la jafu x'inhu ahseb u ara kemm jafu jeghlbuh, nies li lill-ħaddiem iqisuh biss bħala għodda jew numru, professuri fl-illużjoni u l-manifattura tal-fake news.

Imbagħad hemm il-kwistjoni t'atteġġjament.  Il-Gvern ta' Joseph lanqas biss ipprova jamministra aħjar, jittrasforma jew jirriforma. Kull fejn kien hemm il-problemi, biegħu jew tah f' idejn il-privat mingħajr l-ebda hsieb jew projections dwar x'kien jaqbel tassew għall-pajjiż mhux biss fix-short term biex joħrog ifuħ hu, imma fil-medium u l-long term.  Minflok iggverna, intefa' jbiegħ b'li jiġi bla ma jqis x'kien qed itellef lill-pajjiż ma' kull deal mgerrfex u bla sens.

Imbagħad biex tgħaxxaqha, fejn pprova jirriforma bħal Mepa ghamel rebus imqaddes. Permessi rrifjutati jgħaddu riħ mit-tribunal, krejnijiet ma' kullimkien bla rispett, edifiċji storiċi jitwaqqgħu jew mibdulin f'serer gglorifikati, pjanċi tas-solar kullimkien inkluż fl-ibliet storiċi taghna, fi ftit kliem free for all, l-aqwa l-voti.

Jekk jerga' jitla' l-Labour pajjiżna ser jitlef il-karattru tiegħu kompletament u ser isir mini Dubai ġol-Mediterran li mhuwhiex il-prodott li gew ifittxu l-mijiet ta' eluf ta' turisti li żaruna din-sena, u lanqas huwa l-pajjiż li rridu nghixu fih ahna. Jekk jerġa' jitla' l-Labour il-ġustizzja soċjali ser tkompli ssir memorja, parti mill-istorja tagħna.

Mela l-mistoqsija bilfors tqum: Jekk Labour le, lil min ser nivvutaw?

Il-PN kif nistaw nafdawhom meta kienu huma li kabbru ż-żona tal-bini enormament? Kif nistgħu nafdawhom jekk kienu huma li ħallew iż-żerriegha għall-sulari għolja? Kif nistgħu nafdawhom jekk huma għaddew artijiet bix-xejn bhal Smart City, Manoel Island u Tigne? Kif nistgħu nafdawhom jekk kienu huma li ħolqu l-Arms Ltd, u għamlu nefqiet papali bla sens bħall-istorja tat-taparsi smart meters meta l-poplu kien mgħaffeġ bit-tariffi tal-utilitajiet li apparti li kien għola ż-żejt kienu qed iħallsu għall-amministrazzjoni bla skrupli li fniet l-Enemalta?

U naghtikom raġun tistaqsu l-mistoqsijiet.

Għalhekk iffurmajna partit ġdid, il-Partit Demokratiku, ghax in-Nazzjonlisti u l-Laburisti ma jaħtu xejn li xi nies fil-quċċata tal-partiti tagħhom ittradewhom, għax kellhom lejaltajiet lejn buthom u bwiet ħbiebhom minflok lejalta lejn in-nies li tawhom il-poter. In-nies kollha li jridu jibqgħu jagħrfu t-tajjeb mill-ħażin, u li japprezzaw il-ġmiel straordinarju imma fraġili ta' pajjizhom, jistħoqqilhom dar politika xierqa li temmem fl-għaqal f'kollox u tista' tassiguralhom tmexxija sinċiera minnhom għalihom, mhux bħall-oligarkija li ħakmet il-PN fl-aħħar snin u ħatfet lill-PL illum.

L-avvenimenti politici li graw fl-aħħar granet, bil-Partit tal-Labour bl-arroganza kollha jostor il-finanzjament tieghu, u bil-PN fgat bl-għoqiedi tad-donazzjonijiet u bil-lejaltajiet  u rabtiet interni ta' xorta ohra, aktar għandhom jikkonvinċukom biex tagħtu s-saħħa lill-Partit Demokratiku li twieled biex jagħtikom mhux biex joħdilkom.

Bis-saħħa taghkom għandu jkun il-PD li jew f'koalizzjoni jew b'rivoluzzjoni fil-ħsieb tagħkom fil-ħin, għandu jiggverna u jagħti d-direzzjoni lil pajjiżna. 

  • don't miss