The Malta Independent 26 April 2024, Friday
View E-Paper

L-isbaħ żmien għal Malta.. għadu ġej!

Marlene Farrugia Monday, 12 September 2016, 12:24 Last update: about 9 years ago

Jien naħseb li aħna qed ngħixu f'pajjiż fejn ma jonqosna xejn.

Saħħa b'xejn, edukazzjoni b'xejn, jekk tmut u ma jkollokx joħduk u jidfnuk xorta, u jekk ifettilek toqtol lil xi ħadd ghax tkun blajthom, jaqfluk f'post li jkun għal qalbek, dejjem 'high', tiekol u tixrob kemm trid mingħajr taħbil il-moħħ. L-iktar l-iktar iqabbduk tħit xi kostum u forsi jdumu naqra ma jħallsuk ghax il-Mrs tkun on holiday, mill-bqija buli tkun dħalt u buli aktar tkun meta toħroġ. 

Li konna kemmxejn neqsin minnu kien id-divertiment u s-sorpriżi jew xokkijiet, sejħulhom li tridu. 

Nistħajjilkom tgħiduli m'għandniex Paceville, L-MTV u l-Eurovision u l-parties kbar taħt ir-Rabat? 

U l-imriewaħ sorpriżi tal-festa?

Dak mhux divertiment ta' l-ostra? 

Xi trid aktar?

Veru dak divertiment, imma dak tip ta' buzz li ndara u li x'ħin tasal id-dar, dejjem jekk tasal, tkun insejt kollox u la tibqa' tiftakar jekk daħħaltux f' ta' Jinny u lanqas jekk billejtux f' ta' Mary.

Jien mhux ghal dak it-tip ta' divertiment qed nirreferi.

Qegħda nitkellem fuq id-divertiment ta' bin-nhar, li jżommna mqajmin matul il-ġurnata, ngħixu minn aħbarijiet tan-Net, ghal-One, għan-nazzjonal, minn gazzetta diġitali għall-oħra nixtarru l-kummenti tal-għorrief ta' Malta nofshom mixtrijin, u nistennew qisna tfal żgħar mikrumin għall-helu, it-tweet tal-Prim gustuż li għandna, il-press conference tal-Kap tal-Oppożizzjoni George Clooney tagħna, kif ukoll il-ġudizzju tas-saħħara edukata tal-Bidnija, u s-saħħara ta' wara l-mina Żurriqija.

Ikollna nammettu illi fi żmien in-Nazzjonalisti, anke jekk sirna kollha sinjuri għax kien taw siegħa xoghol ghall-Maltin kollha, konna neqsin wisq minn dan it-tip ta' divertiment. Allaħares ma kienx Austin Gatt kultant jghid xi ċuċata, jew Franco jżomm il-Gvern b'tixlilha, għax kieku sajmuna għal kollox minn kull gost u good time. Bħaħen li huma mhux żgur ma ppretendewx li ha jżommuna kuntenti bis-sejba t'arlogg tal-lira li ddobba Tonio Fenech.

Imma aħna poplu ffurtunat.

Ħlief ghal meta gie Dragut u kaxkar l-Għawdxin kollha ghall-fini tieghu, ix-xorti dejjem daħqitilna. Biżżejjed ngħidu li ftit snin wara lil Dragut stess temmiżnihielu, u lill-armata tiegħu tajniha kedda li baqgħet taħtha.  

Intant, dan in-nuqqas t'eċċitament, li issa kien qed jifnina gie ndirizzat. 

Fl-2013, il-poplu neħħa n-Nazzjonalisti li kif ghedtilkom b'Gonzi fit-tmun u RCC bl-ghasluġ f'idejh, kellhom wisq geddum, qrid u serjeta' u l-ebda sens ta' good time, u minfloku poġġew lill-ġinġer Joey, li flimkien mat-team fenominali tiegħu ma tilef l-ebda ħin biex jibda jippumpjalna l-gost gol-vini.

U minn dak il-mument id-divertiment u s-suspens ma qata' xejn.  

Ġurnata wara ġurnata, kummiedja aqwa mill-oħra, sorpriżi w xokkijiet bla heda, skandli bla break u b'nifisna maqtugħ nippruvaw inlaħħqu magħhom. 

Rigali kbar jitqassmu bħax-xita, min imissu l-Premier, Australia Hall, min jiddobba ż-Żonqor, min jifraħ b'xi torri sa gos-sħab, min b'biċċa art bis-sale, oħrajn jikkuntentaw b'casino, filwaqt li dawk li huma inqas magħzulin ilaqqtu xi biċċa palazz ġo Strada Zekka, xi pompa tal-petrol, xi fortizza antika, jew xi visa ganga style!

Kull min ġie għala l-għanqud u bena li fettillu ngħidulu mexxi, u kull min jipprova jġib permess ġust inqattgħulu qalbu u nisolħuh ħaj.

Naturalment dak li ma jitqassamx jinbiegħ, ibda miċ-ċittadinanza, kompli fl-isptar t'Għawdex, St Lukes u Karen Grech, il-Powerstation u spiċċa fil-latrini u ċ-ċimiterji. 

Qisha l-fiera li jagħmlu ta' Lourdes f'tal-Ħniena f'Settembru, l-urna ddur u tagħqad u fuq minn taqa' jsir sultan. 

Kollox ghal bejgħ u kollox doable!

Saħansitra l-Air Malta spiċċat mdendla fuq ħarira!

Imbagħad biex l-affarijiet jsiru dejjem u dejjem aktar eċċitanti, u nibqgħu nistħajluna dejjem Sherlock Holmes, minflok juruna x'kuntratti qegħdin jagħmlu, iħalluna nissoponu, nippruvaw naqtgħu, jagħtuna ftit ħjiel 'l hawn u 'l hinn kemm inbillu griżmejna filwaqt li jħalluna lampa stampa biex jkattrulna l-interess u l-kurżita'! 

Sa karus fil-Panama fetħulna ħalli ma mmorrux nagħmlu f'qalbna u naqghu fl-anemija. 

Anke fil-maġija saru jeċċellaw biex izommuna kuntenti, ghax għamlulna powerstation li kif naħslu ħa nibdew nimmaġinawha f'postha jgħidulna abra katabra u jerggħu jisparixxawha sakemm jagħtuna data ohra biex nistennewha tidher b'aktar ħerqa!

U ta' Joey l-ginger f'kulħadd jahsbu tafux.

Lanqas lill-midja internazzjonali ma ħallew barra izda raw kif għamlu biex din ukoll tgawdi minn dan l-eċċitament u s-suspens li qedin ngħixu ahna, ffurtunati li ahna! Wara kollox il-ġurnalisti barranin mhumhiex ħnieżer u x-xemx ghal kulħadd trid titla'!  

Id-dinja kollha xegħlet bina. Sirna headlines fuq il-ġurnali internazzjonali kollha, l-aqwa fl-Ewropa f'kollox u l-uniku pajjiż iffurtunat li għandu ministru u chief of staff bil-kumpanija ġol-Panama! 

Anke Fitch u Moodies qalu li aħna l-aqwa u faqqgħulna rapport bomba, l-aqwa li money no problem u ħlas fil-pront.

Inħallikom taħsbu kemm ser jitkattar id-divertiment fix-xhur li ġejjin, kemm ser ikollna shows peak u off-peak time, waqt il-Presidenza tal-Kunsill tal-UE! 

X'ċuċ kien ic-CHOGM, issa segwu l-Presidenza ħalli taraw kif ha jħallukom bla nifs aktar minn meta kixfet kollox Sharon Stone!

Dil-ġimgħa kellna togħma ta' x'inhu gej bl-intervista' ta' Leo fi Brussell, pero dik biss togħma, antipasto kif jgħidu t-Taljani. Jien ngħidilkom ibqgħu segwu, moħħkom hemm, għax kif iħobb jghidilna Joey l-Prim: l-isbah żmien ghal Malta għadu ġej!

U l-kbir għadu ġej ukoll!

  • don't miss