The Malta Independent 27 April 2024, Saturday
View E-Paper

Marlene il-pinnur

Marlene Farrugia Monday, 10 October 2016, 13:37 Last update: about 9 years ago

Biex niċċaraw l-affarijiet.

Bħal lum erbgħa snin kien qed jinħass ir-riħ tal-bidla fil-pajjiż.

Aħna l-pinnuri konna qed ngħidulhom x'kellha tkun id-direzzjoni lin-nies.

Kien hawn bżonn bidla, wara 25 sena PN.

Emminna fil-Moviment Laburista. Ngħaqadna taħt l-għajta ta' Malta Tagħna Lkoll, stinkajna u pperswadejna n-nies, u ġibna l-bidla.

Ir-riħ ma nefaħx għalxejn.

Illum, inqas minn erba' snin wara, għandna gvern b'ucuh differenti (mhux biss litteralment!) imma mnawwar bl-istess problemi li kellu l-gvern ta' qablu, bid-differenza illi dak li ridna nneħħu fil-gvern ta' qabel, erġajna twikkejna bih għax qiegħed fil-gvern ta' issa f'doża ferm aktar qawwija, u wara biss ftit taż-żmien.

Li għandna aħjar hija l-magna tal-ispinn, ir-rekord ta' sale ta' gid il-poplu, l-flus fl-idejn għal xi wħud, id-drittijiet ċivili, it-turizmu, u l-kura tad-diżabbli u l-anzjani.

Mill-bqija, msallbin bi gvern li avveliena mad-dinja kollha, u mhux minħabba l-karus jew tnejn fil-Panama biss.

Mhux ta' b'xejn iż-żiffa ġa bdiet terga' tinħass, biex ma ngħidx xi buffura wkoll.

Imma issa poġġu nawra rwieħkom fiż-żarbun tiegħi.

Ħamsin sena, omm ta' tlett itfal li għallimthom l-iskola kemm flaħt, ħdimt dejjem tqala w mhix, tletin sena dentista, self-employed għomri kollu, dejjem fil-politka, u bil-kappel li kelli dejjem sellimt lill-komunita Maltija, għaliex trid u ma tridx meta tkun tipprattika professjoni minn qalb in-nies, tispiċċa tibki u tidħaq magħhom anki meta l-biki tagħhom jaħbat mal-ferħ tiegħek u d-daħq tagħhom ikun f jum ta' niket tiegħek.

Fil-prattika tal-professjoni ħaġa mill-lewn id-dinja li lanqas jgħaddilek minn moħħok ħsieb fuq kulur politku meta jidher proxxmu quddiemek.

Isservi.

L-interess tal-pazjent fuq quddiem dejjem. Mhemmx fhiex titfixkel. Jaqbillek u ma jaqbillekx, tkunx imdejjaq, ferħan, muġugħ jew imkisser minn gewwa. B' pazjent quddiemek, jezisti biss il-bzonn u l-interess tal-pazjent.

L-istess fil-politka għal min jidħol għaliha b'vokazzjoni.

M'hemmx x'tara jew x'tahseb.

Għalija fil-politka lejalta waħda għandu jkollna: lejn pajjiżna, lejn iċ-ċittadini Maltin kollha.

Hekk naħilfu aħna meta nieħdu l-ġurament bhala deputati fil-Parlament, u hekk nagħmel jien anke kieku ma ħadtx ġurament, ghax l-irġulija hekk titlob.

Allura lili jgħajruni li jien pinnur għax, kont fejn kont, kif l-interessi jibdew ikunu tal-ftit magħżulin iħarsu l-isfel, u mhux tal-kotra tittama b'ħarstha 'l fuq, jien ġbidt l-attenzjoni kemm flaħt, bqajt insostni l-lejalta tiegħi lejn pajjiżi kollu mhux biċċa, u rrifjutajt li niddakkar mill-ħmieġ li llum sar sinonimu mal-politka partiġġjana.

U hekk qed nagħmel illum.

Iffurmajna partit ġdid għal dawk fostna li jemmnu li fil-prattika, jista' jkollna governanza nadifa, ġustizzja soċjali sinċiera, u tkabbir ekonomiku li jimxi id f' id mal-ħarsien tal-ambjent u saħħet il-poplu tagħna.

Għalija mhix xi haġa gdida żgur għaliex manifest mibni fuq dawn it-tlett pilastri diġa fissirtu meta hriġt mal-Moviment Laburista fl-2013.

U n-nies emmnu u riedu dik it-tip ta' politka, u għadhom jemmnu u jridu dik it-tip ta' politka matura li tixraq lil pajjiżna aktar minn ħamsin sena wara li ksibna l-indipendenza.

Il-problema hija li n-nies issa xogħfiena għax il-kelb il-mismut kull ilma jaħsbu mishun. Ħadd ma basar li l-gvern Laburista li tellgħajna kien ser idaħħaq u jbikki n-nies bih daqsekk malajr, u jtertaq is-sisien tal-manifest tiegħu stess.

Allura hawn min tfantas x'ħin induna li aħna tal-Partit Demoratiku qed nitħaddtu mal-akbar partit fl-oppozizzjoni, il-Partit Nazzjonalista, li qed ibaghti biex jikseb il-fiduċja meħtieġa biex jkun il-Gvern Alternattiv tant meħtieġ biex jiehu post il-klikka dilettanti tal-Panama li twikkejna bihom bla ħsieb.

Jien ngħidilhom kalma, ħbieb.

Erba' snin ilu tiftakruni nikkumbatti biex inneħħi l-PN li kien spiċċa ħażin wara 25 sena, u nitlobkom tagħtu cans lil Muscat (wara li kont ppruvajt  npoġġielkom lil Gorg Abela mexxej tal-Labour, għax kelli dubbju f'Muscat!).

Jien l-istess persuna għadni.

Mhux ħa ninbidel.

Stajt għalaqt ħalqi, għażilt li ngawwdi u qgħadt inpappi minn fuq daharkom kif għamel ħaddieħor.

Minflok għazilt li nfittex l-interess tan-nazzjon kollu kemm hu, u servejt tal-ħajt imkaħħal anke meta l-oppożizzjoni nazzjonalista kienet siekta u taħt ix-xokk tat-telfa.

U hekk ser nibqa' nagħmel.

Biex ikollna Gvern ġdid jeħtieġ maġġoranza tal-voti.

Il-PN qed isibha difficli jinbidel biżżejjed minn gewwa billi jtajjar tużżana rjus.

Ahna tal-PD jista' jkun li nkunu kapaċi nibnu oppożizzjoni soda u sinċiera ma' kull min għandu l-interess nazzjonali l-ewwel ġo qalbu, inkluż is-sezzjoni tal-PN li trid tiġġedded bis-serjeta.

Dak hu kollu.

Ha nagħmlu li hemm bżonn fil-prattika.

M'hemmx kastelli fl-ajra.

Infakkarkom li meta nkunu f'pajjiż barrani u jistaqsuna minn fejn aħna la ngħidulhom mill-PN, la mill-Labour, la minn Nigret u lanqas mill-Imdina. Ngħidulhom aħna Maltin, aħna minn Malta.

U hekk ser tkun il-forza politika gdida li ser tiggverna sena w nofs ohra.

Forza politika Maltija u Ghawdxija, ta' Malta u t'Ghawdex, koalizzjoni ta' nies li ma jaqblux f' kollox imma li jaqblu li pajjiżna jixraqlu ahjar, u lesti li jagħtu sehemhom biex pajjiżzna jkun tassew u f'kull sens ahjar.

Fejn hemm ir-rieda tinstab it-triq hbieb.

Kollox bil-mod. Kollox f'waqtu.

Li naf żgur huwa li ha naslu.

Ħafna hafna xoghol, imma naslu.

Naslu ghax ahna l-veru partit tal-ħaddiema, u x-xogħol dejjem dħalnielu, qatt ma ħrabnieh.

  • don't miss