The Malta Independent 27 April 2024, Saturday
View E-Paper

L-Orangjo

Marlene Farrugia Monday, 2 January 2017, 13:12 Last update: about 8 years ago

Mela fir-roundup tal-avvenimenti tas-sena, il-ġurnali nsew isemmuna lilna tal-Partit Demokratiku.

Għalxejn għażilna l-kulur jaħraq tat-torċa, dak l-oranġju sabih li jġieghlek tħossok hot u ottimist, għax insewna xorta. 

Imma ma ġara xejn.  Biss, għaż-żmien li ġej infakkarkom li billi ma jsemmunhiex ma jfissirx li m'aħniex hemm.

Ifisser biss li forsi l-midja attwali għandha wisq x'tgħid fuq il-partiti l-oħra u l-avventuri tagħhom u ma baqgħalhiex post għalina. 

Wara kollox, aħna ħdejn il-magni tal-partiti l-kbar, il-magna tagħna fiha daqs il-mikrobu tal-ebola, lilha ma tarahiex imma l-effett tagħha... storja oħra. 

Il-Partit Demokratiku fforma fl-2016, għaliex jien, Membru Parlamentari Laburista, li tlajt fuq id-distrett aħrax tal-ħames distrett, tlaqt l-istess grupp li fuq ordni mill-quċċata beda jżeblaħ is-sisien tal-manifest Laburista li tellgħana fil-gvern, u stedint lin-nies biex jingħaqdu f'partit ġdid li jagħti alternattiva serja u kredibbli fl-elezzjoni generali li jmiss.

Minn dak iz-zmien il-PD ssokta jistinka bil-kwiet biex fis-snin li gejjin jagħtikom l-opprtunita teħilsu mill-establishment korrott li issa ilu jiggvernana għal bosta snin. 

Il-Partit Oranġjo tal-Verita nħoloq biex intom ikollkom l-opportunita mhux biss tibdlu l-ucuh ta' min imexxikom imma wkoll tnaddfu tindifa l-iggvernar ta' pajjiżna, filwaqt li tassiguraw li nimxu fit-triq tal-progress li twassal għall-pajjiż aħjar, li tassigura ħajja aħjar għal kulħadd, u mhux ħajja aħjar ghall-ftit, u ħajja mqanżħa għall-kumplament. 

Ftit ftit jien ser nibda naqsam magħkom ħsibijiet ewlenin tiegħi u ta' sħabi sabiex nisma' u nixtarr x'għandkom xi tgħidu intom biex flimkien insaffu l-preżent, nagħrblu l-fatti, u nfasslu l-futur flimkien.

Għal dan il-għan ħa nibda biex inwasslilkom ftit punti f'kull artiklu, imma mbagħad niġi għandkom jew ejjew għandi (għal maskta), ħalli nitkellmu ahjar. 

Il-Partit Demokratiku jibni l-politka tiegħu madwar il-familja u l-membri taghha.

Filwaqt li nemmnu fil-liberta, nemmnu li l-libertinaġġ isewwes in-nisġa tas-soċjeta tagħna. 

Nemmnu li kif jgħid il-Malti: iż-żejjed imbidded, u allura tapellalna l-politika tal-bilanċ, u l-moderazzjoni li tirrispetta normi li huma ppruvati u li minnhom ħareġ biss ġid u għandhom jibqghu l-linji gwida tagħna, mingħajr ma nagħlqu għajnejna għal realtajiet ġodda li jeħtieġ li jkunu wkoll indirizzati. 

Dan ifisser per eżempju illi filwaqt li nżommu lill-familja magħmula minn raġel, mara u l-ulied bħala ċ-ċellola idejali tas-soċjeta, nkunu aħna li neliminaw bl-edukazzjoni  mhux biss bil-ligijiet (li huma dejjem suġġetti għall-interpretazzjoni), iva neliminaw kull preġudizzju u diskriminazzjoni kontra familji u membri ta' familji li jieħdu xorta oħra. 

Jew fi kliem iehor, bhala partit nemmnu li filwaqt li l-politika tagħna għandha tinkoraġġixxi dawk li huma normi tajbin, għandha tkun l-istess politika PD li tipproteġi bis-sħiħ familji u l membri tagħhom li għal diversi raġunijiet ikollhom jieħdu forom oħra. 

Punt ieħor li nħoss li rrid nesprimi u nifhem aktar b'diskussjoni magħkom huwa s-sitwazzjoni tan-nisa fis-soċjeta.

Hawn min jaħseb li l-mara tkun emanċipata jekk ikollha xoghol barra mid-dar, u d-dritt li tneħħi tarbija jekk tinqabad tqila.

Jien nemmen li mara tkun emanċipata jekk tkun finanzjarjament indipendenti anke jekk tagħzel li għall-ewwel snin ta' formazzjoni tagħzel li trabbi hi lil uliedha u anke jekk aktar tard f'ħajjitha tagħzel li ddur hi bil-ġenituri jew qraba tagħha. Mara tkun emanċipata jekk ikollha l-għażla tinqabadx tqila jew le, u li jekk tinqabad tqila b'mod mhux ippjanat, kemm hi u l-wild tagħha ikollhom garanzija ta' ħajja dinjituża.

Mara tkun emanċipata meta xogħolha jitħallas daqs l-istess xogħol maħdum minn raġel, u bil-fatti (mhux b'liġijiet li ma jiswewx sitt ħabbiet) jitneħħielha kull ostaklu biex tissellef u tibda n-negozju tagħha. 

Ix-xogħol domestiku li jżomm il-familja u d-dar, kemm jekk tagħmlu mara kif ukoll jekk jagħmlu raġel għandu jiġi rikonoxxut dejjem u rimunerat jekk kemm-il darba jsir meta hu l-aktar kruċjali fl-iżvilupp tad-dipendenti, u jkun jitlob li min qed jagħmlu ma jkunx jista' jzomm impjieg full time ieħor. Wara kollox it-trobbija tat-trabi u l-kura tal-anzjani taghna, fl-assenza tal-familja titlob is-sokkors tal-istat. Min hu aħjar mill-ġenituri u l-ulied biex jagħtu l-aqwa ħarsien lill-vulnerabbli in kwistjoni?

Għall-Partit Demokratiku l-omm hija l-qofol tas-soċjeta. Hi twelled, hi trabbi u ħafna drabi sal-lum qed tagħmel dan waqt li żżomm impjieg full time ieħor imħallas inqas milli kieku l-istess xogħol qed jagħmlu raġel. 

Ahna tal-Orange nemmnu li l-prevenzjoni tal-vjolenza domestika u ta' xorta ohra, il-protezzjoni mill-vjolenza, u l-immaniġġjar tal-ħajjiet tal-vittmi, ħafna minnhom nisa u tfal, għandha tittieħed bis-serjeta għax mhux biss qed tiswa finanzjarjament, imma qed tiswa' l-ħajja u l-istat mentali ta' wisq nies f'Malta u Għawdex ta' qalb tajba tagħna.

Il-Partit Demokratiku, sadanittant qed jistudja dawn l-idejat u permezz tal-esperti tiegħu jara kemm jiswew finanzjarjament lill-pajjiż mhux biss jekk isiru, imma wkoll x'qed inħallsu fi flus u aktar importanti f'dik li hi kwalita ta' ħajja, għaliex mhux qed isiru, u x'inhu attwalment ir-riżultat fuq saħħet il-familji, saħħet is-soċeta, l-aktar dik tan-nisa  u t-tfal, imma wkoll tal-missirijiet u l-irġiel.

Sal-elezzjoni ma baqax wisq, veru, imma aħna tal-Partit Demokratiku apparti milli tgħallimna u qed nitgħallmu kemm mit-tajjeb kif ukoll mill-iżbalji ta' ħaddiehor, m' għandna l-ebda xkiel biex f'kull ma naħsbu u kull ma nwettqu nżommu l-ġid komuni tal-Maltin u l-Għawdxin dejjem fuq quddiem nett. 

Għaldaqstant billi m'ghħandniex television, radju u gazzetti ma jfissirx li shna dgħajfin. Ifisser biss li aħna konna, għadna u nibqgħu hielsa biex inwasslulkom il-verita u nippjanaw magħkom fl-interess tagħkom. 

 

 

  • don't miss