The Malta Independent 26 April 2024, Friday
View E-Paper

Bl-Ewropa go qalbna

Marlene Farrugia Tuesday, 10 January 2017, 07:39 Last update: about 8 years ago

Ħafna minnkom iħobbuh it-tuffieħ. Tħobbuh aħdar iebes, kemm kemm qares, jew aħmar nar u aktar ħelu.

Daż-żmien tħobbuh ukoll f-forma tal-kaxxa quddiemkom li ggib l-istess isem u li sservi ta' tieqa għall-kumplament tad-dinja, biex tittawwlu, tissindikaw bħallikieku minn xi muxrabija, taraw, issegwu, tiżvugaw, tistaqsu w targumentaw sakemm il-kpiepel t'għajnejkom jingħalqu u tmur għajnkom bikom.

Torqdu qiskom ħrief iva, imma mhux qabel ma tkunu qattgħajtu xi sagħtejn fuq il-Facebook tixxalaw jew tindannaw skond il-muża.

Fil-biċċa l-kbira, forsi mhux dejjem, tilħqu tinzgħu il-jeans u xxiddu qalziet tal-piġama, qabel ma tgħoddsu taħt il-friex.

Forsi anke jibqgħalkom biżżejjed enerġija biex tilħqu tilbsu l-headphones u tisimghu xi naqra lil Freddie Mercury jkantalna 'Another one bites the dust' jew 'Radio gaga' biex imbagħad issalpaw għal ġod-dinja tal-ħolm filwaqt li titbissmu mal-ewwel nota ta' 'Who wants to live forever'.

Il-computer, il-midja socjali, il-jeans, il-King tal-Queen.

Steve Jobs, Zuckerberg, Levi, Freddie Mercury.

Erba' minn nies li kellhom u għandhom effett fuq il-ħajja tagħna kif nafuha llum.

Lkoll eżempji ta' tfal ta' immigranti li xi darba, xi mkien, xi hadd ta kenn lilhom jew lil missirijiethom u tahom cans jgħixu u jikbru. Ma ħallewhomx jgħerqu. Ma bagħtuhomx lura lejn kontinent mifni bil-gwerra.

Ma ħallewhomx maqfulin go gabjetta tal-wire b'toqba fl-art fejn ibattlu.

Qabel, l-ekonomija tad-dinja kienet tiddependi biss fuq industriji u riżorsi fiżiċi bħaż-żejt, magni, karozzi, l-uranium, manifattura. Kulħadd kien jiġġieled għall-istess għadma. Il-fruntieri kienu jeżistu u kellhom rwol. Imma llum id-dinja nbidlet.

L-ekonomija u l-iżvilupp dinji ma jiddependix biss fuq dawn.

Hemm ekonomija tiddependi fuq it-tagħrif, fuq l-idejat, il-krejattivita', l-innovazzjoni, ir-riċerka.

M'hemmx għalfejn tkun it-tifel tar-re biex tagħmel il-flus u tħaddem partita nies. Jekk ikollok moħħ tajjeb, titgħallem, tħaddem rasek u tkisser moħħok, u tistinka biżżejjed, tista' taghmel l-ikbar suċċess.

Kull ma jkollok bżonn hija stabbilita', opportunita' u ħelsien mix-xkiel biex tikber, fejn tkun qed tgħix.

Mela l-akbar ġid li jista' jkollu pajjiż jew kontinent huwa poplu moħħu kwadru, motivat, ambizzjuz u għatxan għas-suċċess.

Issa dal-poplu jista' jiġi ghax twieled hemm, jew jista' jiġi għax iċ-ċirkustanzi xi darba kienu tali li popli sħaħ kellhom jiċċaqilqu, jemigraw, jaħarbu u jsibu bidu ġdid ġo art oħra.

It-taħlit ta' ġnus huwa ħaġa tajba anke genetikament, bijoloġikament.

Nisthajjilkom tgħidu biex ġejja tal-Orange illum.

Sempliċi.

Il-Partit Demokratiku huwa l-Partit tal-Patrimonju Malti u Għawdxi. Nemmnu li l-pajjiżna u niesna għandhom igawdu bis-sħieħ il-ġmiel naturali, storiku, arkitettoniku, kulturali li jżejjen dal-ġmiel ta' gżejjer li għandna.

Diġa wrejna li lesti niġġieldu bis-sħiħ għal dan.

Il-Partit Demokratiku jġib rispett u jgħozz il-kultura popolari anke devozzjonali tal-pjazez u t-toroq, fil-qalb tal-ibliet u rħula tagħna, daqs kemm jgħozz il-kultura tal-ifjen tejatri u l-ogħla orkestra.

Lili tafuni biżżejjed.

Il-Partit Demokratiku miġnun fuq ilsien pajjizna, is-sisien u l-bażi ta' kull ċellola tal-kultura ewlenija tagħna.

Il-PD ovvja li jifhem li pajjizna ma jistax isolvi l-problemi kollha tad-dinja u jilqa' fih lil kull min jaħrab mill-gwaj.

Isolvi kollox ma jistax imma jagħti eżempju jista', aktar w aktar bħalissa li qiegħed fid-dawl ħelu tal-Presidenza tal-Kunsill tal-EU.

Għaldaqstant aħna nemmnu li l-kultura li aħna ħmejna matul is-sekli bis-saħħa ta' u minkejja li ġnus minn kull rokna tad-dinja ħakmuna u tħalltu magħna, ma tkunx mhedda sempliċiment għax aktar nies minn razez differenti jikbru spalla ma' spalla magħna.

Ahna tal-PD nemmnu li aktar ma jkun hemm demm ġdid pajjizna, aktar nissaħħu bhala poplu u aktar il-kultura tagħna tistagħna.

Min qiegħed hawn jeħtieġ li jahdem jikkontribwixxi u jgawdi żvilupp sħiħ tiegħu innifsu bħalna li nzertajna twelidna hawn.

Tfal ta' genituri bla dokumenti għandhom jinghataw iċc-ċittadinanza, jistudjaw u jilħqu u jagħtu sehemhom fis-suċċess tal-pajjiz tagħna lkoll.

Araw l-Amerka, il-Kanada, l-Awstralja, l-Germanja, l-Ingilterra.

Minn naħa l-oħra, min mhux lest li jġib ruhu ta' nies u jgħix f'sinerġija magħna, dak iva, dak mhux postu jiġri ġon-nies.

U nirrepeti, li Malta tista' żżomm biss dak li tiflah.

Imma fil-frattemp tista' ssuq lil pajjizi Ewropej u oħrajn biex filwaqt li nattakkaw l-għeruq tal-kaġun tal-ħarba tal-familji, fl-istess ħin il-pajjiżi kollha jgawdu mill-preżenza ta' nies ġodda u n-nies ġodda jgawdu mill-valuri Ewropej li dejjem kienu fuq quddiem biex il-pajjizi żviluppati irreġistraw is-suċċess li għandhom illum.

Sadanittant hemm kartellun tal-Gvern għall-Presidenza li qed jgħid li ha jpoġġina fil-qalb tal-Ewropa.

Lill-Gvern ngħidlu, li biex jirnexxi fil-Presidenza, mhux ipoġġi lilna fil-qalb ta' l-Ewropa għandu bzonn ghax aħna minn dejjem konna hemm.

Minflok irid ipoggi l-Ewropa msarrfa f'valuri f'qalbu u f'qalb il-poplu tagħna!

Imbagħad ikun jista' imexxi bl-eżempju. 

  • don't miss